Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210837

PR210837

04/05/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Imnedija konsultazzjoni pubblika dwar il-moniteraġġ elettroniku


F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-introduzzjoni ta' leġislazzjoni ġdida li tipprovdi għall-użu tal-moniteraġġ elettroniku f'pajjiżna.

 

Il-Ministru Camilleri spjega kif din il-leġislazzjoni dwar il-moniteraġġ elettroniku hi l-ewwel tax-xorta tagħha u li turi biċ-ċar il-viżjoni tal-gvern biex jinħolqu sistemi korrettivi moderni, filwaqt li dejjem tkun imħarsa s-sigurtà tal-vittmi tal-kriminalità, kif ukoll tas-soċjetà inġenerali.

 

Il-moniteraġġ elettroniku qed ikun propost li jkun disponibbli f'sentenzi tal-qrati tal-ġustizzja bħala piena alternattiva f'każijiet ta' reati meqjusa bħala minuri.

 

Skont l-abbozz ta' liġi li qed jitpoġġa għall-iskrutinju pubbliku, il-moniteraġġ elettroniku għandu jkun kunsidrat f'pieni ta' priġunerija effettiva ta' mhux aktar minn sena, u diment li r-reat imwettaq ma jkunx suġġett għal aktar minn piena massima ta' sentejn priġunerija.

 

Minbarra f'deċiżjonijiet tal-Qorti, il-moniteraġġ elettroniku se jkun jista' jinħareġ skont ir-Regolamenti dwar il-Prison Leave jew mir-Regolamenti marbuta mal-Bord tal-Parole.

 

F'każijiet l-iżjed sensittivi li fihom individwi jinstabu ħatja minn Qorti b'tali reati mhux se jkunu eliġibbli li jiskontaw is-sentenza tagħhom permezz tas-sistema tal-moniteraġġ elettroniku. Dawn ir-reati huma relatati ma' vjolenza domestika, vjolenza abbażi tal-ġeneru, f'każijiet ta' nuqqas ta' protezzjoni lill-minuri, f'obbligazzjonijiet ta' manteniment, kif ukoll f'sitwazzjonijiet ta' fejn ma nżammitx ordni ta' Qorti jew kuntratt dwar aċċess għall-ulied.

 

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li, għas-sigurtà tal-komunità u għal rijabilitazzjoni sħiħa, il-liġi quddiemna qed tiddisponi regolamenti dettaljati għat-tħaddim effiċjenti u kontabbli tas-sistema tal-moniteraġġ elettroniku. Il-Qorti se jkollha d-diskrezzjoni li tordna, waqt l-użu tal-moniteraġġ elettroniku, diversi kundizzjonijiet – fosthom faċilitajiet biex persuni jkunu jistgħu jżommu l-post tax-xogħol tagħhom jew jibqgħu jsegwu kors ta' tagħlim f'xi istituzzjoni edukattiva – fost bosta aspetti oħra, skont kif stabbiliti fl-iskeda tal-abbozz ta' liġi propost.

 

Il-konsultazzjoni pubblika hi miftuħa mill-4 sal-25 ta' Mejju 2021. Id-dettalji jinsabu fuq;

https://meae.gov.mt/mt/Public_Consultations/MHSE/Pages/Consultations/KonsultazzjoniPubblikadwarMoniteraggElettroniku.aspx