Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210838

PR210838

04/05/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIĊERKA, L-INNOVAZZJONI U L-KORDINAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA GĦAL WARA COVID-19 Kommessi li nipprovdu lir-riċerkaturi ġodda bl-opportunitajiet u l-għodod biex jikbru professjonalment

Waqt laqgħa ministerjali virtwali dwar ir-rwol tal-programm ta' Koperazzjoni Ewropea għax-Xjenza u t-Teknologija (COST) għall-futur tar-riċerka fl-Ewropa, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni għall-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici esprima s-sostenn sħiħ ta' Malta għal dan il-programm, waqt li enfasizza l-opportunitajiet imprezzabbli li COST qed jipprovdi lil riċerkaturi minn diversi dixxiplini sabiex jaċċessaw l-appoġġ ta' infrastruttura ta' riċerka b'saħħitha, permezz ta' fondi importanti mill-Unjoni Ewropea.

 

“Bħalissa hemm madwar 45,000 riċerkatur involut fl-attivitajiet ta' COST, fosthom għadd ta' riċerkaturi Maltin. Minkejja d-daqs tal-gżira, riċerkaturi Maltin qed jieħdu sehem f'madwar 66% tal-attivitajiet ta' dan il-programm u dan huwa ta' benefiċċju kbir għalihom u għall-qasam tar-riċerka f'pajjiżna", qal il-Ministru Bonnici.

 

Bħalissa, tnejn mill-attivitajiet ta' COST qed jiġu wkoll mmexxija minn Maltin.

 

Il-Ministru Bonnici kompla billi qal li ħafna riċerkaturi Maltin qed ikollhom il-possibilità li jistabbilixxu rwieħhom professjonalment 'il bogħod minn xtutna grazzi għall-programm COST.  “Dan qed jipprovdi opportunitajiet uniċi għall-komunità ta' riċerkaturi li tant hija kruċjali għal innovazzjoni sostenibbli fil-futur", sostna l-ministru.

 

Il-Ministru Bonnici sostna li Malta hija konxja mill-kontribut siewi li qed jagħti dan il-programm fi ħdan Horizon Europe u tenna l-importanza li, bħala Unjoni Ewropea, inkomplu ninvestu fit-tisħiħ u t-tkabbir tiegħu.

 

Bħala programm imħaddem permezz ta' fondi mill- Unjoni Ewropea, il-programm Kooperazzjoni Ewropea għax-Xjenza u Teknoloġija (COST) jorganizza fondi għal netwerks ta' riċerka u innovazzjoni bl-għan li jgħin biex jingħaqdu riċerkaturi minn pajjiżi differenti tal-Ewropa u oħrajn. Dan il-programm jgħin xjentisti u riċerkaturi fil-qasam tat-teknoloġija jiltaqgħu u jiżviluppaw l-ideat tagħhom u hekk isaħħu x-xogħol ta' riċerka u jistimulaw aktar innovazzjoni.

​