gov.mt

pr201848

Pr210848

06/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Imħabbra d-dati tat-tneħħija ta’ iktar miżuri restrittivi


Waqt konferenza tal-aħbarijiet, fil-jum li pajjiżna rreġistra disa' każijiet ġodda tal-COVID-19, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa kkonferma li min-nhar it-Tnejn se jkun possibbli li jiġu rilaxxati l-miżuri mħabbra fil-ġimgħat li għaddew.

 

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li, kemm-il darba n-numri tal-każijiet attivi jibqgħu baxxi, minn ħmistax wara se jkun possibbli li jinfetħu r-ristoranti u snack bars sa nofsillejl. Mill-24 ta' Mejju se jinfetħu wkoll:

 

  • Swimming pools sat-8 p.m., madanakollu mhux permessi attivitajiet;
  • Gyms u fitness centres, madanakollu sessjonijiet organizzati ta' gruppi mhumiex se jkunu permessi;
  • Day care centres tal-anzjani u persuni b'diżabilità.

 

Dan filwaqt li jista' jerġa' jibda:

 

  • Taħriġ tal-contact sports għal persuni li għandhom 'il fuq minn 17-il sena; u
  • Non-contact sports, mingħajr l-ispettaturi.

 

Dwar it-turiżmu, li hu mistenni jerġa' jibda lejn pajjiżna fix-xhur li ġejjin, id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mill-1 ta' Ġunju, persuni li ġejjin f'pajjiżna se jkunu mitluba jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin jew riżultat negattiv tal-PCR test qabel ma jitilgħu abbord l-ajruplan. F'każ li wieħed minn dawn ma jkunux ippreżentati, il-passiġġier ma jitħalliex jiġi Malta. Id-Deputat Prim Ministru sostna li dan se jiżgura li pajjiżna jibqa' protett.

 

Rigward vjaġġar tal-Maltin lejn pajjiżi oħra, id-Deputat Prim Ministru sostna li sal-aħħar tax-xahar se jibda jinħareġ iċ-ċertifikat tal-vaċċin sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jsiefru u jidħlu lura Malta mingħajr restrizzjonijiet. Huwa stqarr li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet interni dwar l-użu taċ-ċertifikat tal-vaċċin f'pajjiżna stess, ladarba jinfetħu attivitajiet li jlaqqgħu flimkien numru kbir ta' nies, meta jkunu permessi.

 

Mill-1 ta' Ġunju wkoll, id-Deputat Prim Ministru afferma mill-ġdid li t-tiġijiet se jkunu permessi, iżda għandhom isegwu l-proċeduri tal-Awtoritajiet għas-Saħħa Pubblika. Fil-bidu ta' Ġunju wkoll, se jitħallew jiftħu l-iskejjel tal-Ingliż.

 

Mis-7 ta' Ġunju, hu previst li se jkunu rilaxxati l-miżuri li ġejjin:

 

  • Jinfetħu ċ-ċinemas u t-teatri;
  • Bars u każini jistgħu jiftħu sa nofsillejl, madanakollu l-klijenti jeħtieġ li jkunu bilqiegħda;
  • Jinfetħu stabbilimenti tal-gaming u betting;
  • Jissoktaw il-contact sports u l-kompetizzjonijiet ta' team sports għal persuni 'l fuq minn 17-il sena, mingħajr l-ispettaturi.

 

Mis-7 ta' Ġunju wkoll, se jkunu permessi gruppi ta' 6 min-nies fil-pubbliku u mwejjed ta' 6 persuni fir-ristoranti, snack bars, bars u każini.

 

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li fil-ġranet li ġejjin se jibdew diskussjonijiet mal-Kurja u l-istakeholders konċernati dwar il-festi tul dan is-Sajf.

 

Dwar l-użu tal-maskri, id-Deputat Prim Ministru fisser kif l-użu tal-maskri qed jippermetti li pajjiżna jneħħi l-miżuri restrittivi b'ritmu mgħaġġel, għaldaqstant f'postijiet pubbliċi l-bżonn tal-maskra se jibqa' enforzabbli mil-liġi. L-unika eżenzjoni minn din ir-restrizzjoni se tkun fuq il-bajjiet u ħdejn il-pixxini għaliex mhijiex prattika, mill-1 ta' Ġunju. Madanakollu, l-użu tal-maskra ħdejn il-baħar se jibqa' rakkomandat mill-Awtoritajiet għas-Saħħa.

 

Dwar il-programm tal-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru sostna li lbieraħ pajjiżna ta numru rekord ta' 7,008 doża tal-vaċċin, filwaqt li stqarr li 47,000 tal-adulti li għandhom bejn 30-39 sena diġà tlaqqmu, jew irreġistraw u qed jistennew li jieħdu l-vaċċin. Huwa ħabbar li minn dalgħodu beda t-tilqim bl-użu tal-vaċċin tal-Johnson & Johnson u li pajjiżna qed jistenna lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini sabiex tapprova l-użu tal-vaċċin għal tfal ta' bejn it-12 u 16-il sena. Dan filwaqt li pajjiżna għaddej bil-preparamenti biex jekk ikun hemm bżonn booster dose fix-xhur li ġejjin, pajjiżna jkollu l-konsenji ordnati u l-loġistika lesta.

 

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci saħqet li bin-numri baxxi ta' każijiet ġodda tal-COVID-19 irreġistrati, minkejja r-rilaxx tal-miżuri, ir-rakkomandazzjoni tal-esperti tas-saħħa hija li jkunu rilaxxati iżjed miżuri restrittivi. Hija qalet li jekk il-pubbliku jibqa' jikkollabora u jsegwi l-proċeduri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-pjan imħabbar għall-ġimgħat li ġejjin jista' jkun attwat.

           

Prof. Gauci rreferiet għal diversi protokolli li jeħtieġ li jkunu segwiti f'kull mument, u li jinsabu fuq https://deputyprimeminister.gov.mt/en/health-promotion/covid-19/Pages/mitigation-conditions-and-guidances.aspx. ​