gov.mt

pr210851

PR210851

06/05/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Mogħtija l-warrants lil 86 avukat u 6 prokuraturi legali ġodda

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis ippreżenta l-warrants lil 86 avukat u sitt prokuraturi legali ġodda wara li wrew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni legali.

 

Il-Ministru Zammit Lewis awgura lill-avukati u l-prokuraturi legali l-ġodda filwaqt li saħaq li huwa d-dmir tagħhom li jiggarantixxu aċċess għall-ġustizzja u rappreżentanza legali tajba lil kull ċittadin. Qal ukoll li għandhom iwettqu dmirhom bis-serjetà, b'imparzjalità u b'rispett sħiħ lejn il-liġijiet u r-regolamenti kollha tal-pajjiż.

 

Il-ministru għalaq b'appell biex huma dejjem jużaw il-professjoni u jgħinu lil min jiġi fil-bżonn tas-servizzi tagħhom u jiggarantixxu aċċess għall-ġustizzja għal kull Malti u Għawdxi.

 

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Johan Galea, il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Louis Degabriele, il-President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali Gerald Bonello u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati Eunice Grech Fiorini.