PR210879

11/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI ‘Insebbħu Pajjiżna’: Jitneħħew 1,200 tabella illegali


Fl-aħħar jiem, madwar 1,200 tabella illegali tneħħew mit-toroq arterjali. Dan sar waqt eżerċizzju li sar minn diversi ħaddiema bħala parti mill-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ u li fiha nstabu bosta tabelli li twaħħlu illegalment ma’ sinjali tat-traffiku, fuq bankini, u anke mwaħħla ma’ ħitan. 

Dan l-eżerċizzju kien biss parti żgħira mill-ħidma li saret fl-aħħar jiem. Matul din il-ġimgħa, il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ kabbret ukoll l-operat tagħha hekk kif minbarra t-tindif estensiv li qed isir f’toroq arterjali, fl-aħħar sigħat beda eżerċizzju proattiv ta’ manutenzjoni ta’ bankijiet, railings, u għamara oħra tat-triq. Fost l-oħrajn, saru xogħlijiet fi Pjazza Tritoni u żoni oħra fiċ-ċentru tal-Belt Valletta.

Saru wkoll xogħlijiet ta’ tiswijiet fuq railings u pedestrian railings, fejn fl-aħħar jiem inbiddlu 12-il railing ma’ oħrajn li nħaddmu mill-ġdid. Saru xogħlijiet ukoll fuq 15-il ħajt tas-sejjieħ jew tal-franka f’toroq arterjali, filwaqt li ssokta t-tindif ta’ graffiti u tbajja oħra fuq pavimentar fil-Belt Valletta. 

“Dan l-isforz kollettiv tas-Servizz Pubbliku qed jagħti lura lis-soċjetà ambjent aktar nadif u sigur. Sforz li se jibqa’ sostnut u mhux se jintemm ma’ tmiem il-kampanja. ’Il quddiem qed naraw ukoll kif l-element edukattiv jista’ jikkumplimenta dan l-isforz u b’hekk ir-riżultati jibqgħu jitgawdew fit-tul”, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja. 

Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ tinvolvi ħidma kkordinata minn diversi ministeri, b’aktar minn 450 ħaddiem li ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Ambjent Malta, Foundation for Tourism Zones, u Transport Malta. 

Fil-preżent il-ħidma qed tiffoka fuq toroq ewlenin, u timxi lejn toroq residenzjali aktar tard dan ix-xahar.