gov.mt

pr210893

PR210893

12/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Kull min għandu ‘l fuq minn 16-il sena jista’ japplika għal vaċċin minn nhar it-Tnejn




Persuni li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena jistgħu jirreġistraw għall-vaċċin tal-COVID-19 minn nhar it-Tnejn. B’hekk, pajjiżna se jkun wieħed mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li joffri l-vaċċin lil pubbliku kollu. 

Ir-reġistrazzjoni għall-vaċċin tista’ ssir online permezz tal-website vaccin.gov.mt jew permezz ta’ SMS bin-numru tal-Karta tal-Identità biss fuq 99180045 biex jittieħed il-vaċċin Malta u 99180044 biex jittieħed il-vaċċin Għawdex.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Jum Internazzjonali ddedikat għall-Infermiera. Il-Ministru Fearne spjega li l-gvern qiegħed iħejji l-pjanijiet għall-booster dose, kemm-il darba din tkun neċessarja. Huwa stqarr li pajjiżna akkwista biżżejjed vaċċini biex jitlaqqmu t-tfal, ladarba l-vaċċin ikun awtorizzat għall-persuni ta’ taħt is-sittax-il sena, u għall-booster dose tal-poplu kollu. Id-Deputat Prim Ministru sostna li diġà bdew in-negozajti sabiex pajjiżna jassigura nofs miljun doża tal-vaċċin għas-sena d-dieħla u ta’ wara sabiex ikun preparat għal kull eventwalità.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li b’kollaborazzjoni mal-MUMN, se jkunu organizzati mental wellbeing support workshops fil-ġimgħat li ġejjin għall-infermiera u l-qwiebel kollha. 

Chris Fearne stqarr li s-sena li għaddiet daħlu 216 infermier u 11-il qabla ġodda fis-servizz tas-saħħa pubblika, filwaqt li sa issa din is-sena daħlu 139 infermier u 8 iqwiebel ġodda, filwaqt li hu stmat li sal-aħħar tas-sena jkunu ingħaqdu iktar minn 150 infermier ieħor fis-settur. Madankollu d-Deputat Prim Ministru appella sabiex iktar żgħażagħ jagħżlu din il-professjoni. Huwa għamel aċċenn partikolari għall-infermiera speċjalizzati fil-qasam tas-saħħa mentali. 

Dan l-appell sar ukoll mill-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, Paul Pace li stqarr li hija sfida ta’ kull pajjiż madwar id-dinja li jattira ż-żgħażagħ lejn din il-professjoni. Huwa tenna li bl-inizjattiva tal-mental wellbeing support workshops, il-union qiegħda tmur lil hinn milli tħares biss lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u qiegħda wkoll tieħu ħsieb il-benesseri tal-membri tagħħa wkoll. 

Paul Pace faħħar il-mod kif il-gvern qiegħed jieħu ħsieb is-sitwazzjoni tal-pandemija fil-pajjiż, fejn stqarr li l-gvern qed jagħti risposta ċara li l-qasam tas-saħħa għaddej b’mod normali minkejja l-COVID-19 u li dan huwa sinjal tajjeb għal kulħadd.