gov.mt

pr210896

PR210896

12/05/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Żewġ cruiseliners tad-ditta mondjali Viking se jibdew homeporting mill-Port il-Kbir f’Lulju li ġej

Minn Lulju li ġej, id-ditta mondjali tal-cruiseliners Viking, permezz tal-cruiseliners tagħha Viking Venus u Viking Sea, se tkun qiegħda tagħmel homeporting mill-Port il-Kbir għal 11-il destinazzjoni fil-Mediterran. 


Dawn l-istess vapuri se jkunu qegħdin isalpaw lejn il-Kroazja, il-Greċja u l-Italja, u fosthom ukoll il-gżira Għawdxija. 

Dawn il-cruiseliners mistennija jattiraw turisti Amerikani li se jkunu diġà vaċċinati mill-COVID-19.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port u Kap Uffiċjal Operattiv ta’ Global Ports Holding Stephen Xuereb. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka kif dawn l-istess cruiseliners iħaddmu protokolli tas-saħħa tal-ogħla livell, fejn ta’ kuljum crew u passiġġieri ta’ dawn l-istess cruiseliners se jkunu suġġetti għal testing permezz ta’ dak li jissejjaħ bħala ‘non-invasive saliva PCR test’.

“Il-mod kif se taħdem Viking huwa eżempju ċar ta’ kif qegħdin naraw is-saħħa pubblika u t-turiżmu jimxu id f’id flimkien. Dan hekk kif turisti Amerikani se jkunu qegħdin iqattgħu ljieli f’pajjiżna, li minnhom se tkompli tibbenefika l-ekonomija Maltija,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq ukoll kif il-gvern se jkompli jaħdem biex jattira iżjed cruiseliners li jibdew il-vjaġġi tal-cruises tagħhom minn Malta.
 
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port u Kap Uffiċjal Operattiv ta’ Global Ports Holding Stephen Xuereb saħaq kif, minkejja l-waqfa fl-industrija tal-cruising, kien żmien impenjattiv għal Valletta Cruise Port fejn, flimkien ma’ numru ta’ stakeholders, saret ħidma importanti fuq numru ta’ inizjattivi, fosthom il-proġett tal-Grand Harbour Clean Air li se jkun qiegħed inaqqas aktar minn 90% tat-tniġġiż tal-arja fiż-żona tal-Port il-Kbir b’investiment ta’ €49.9 miljun. 
 
“B’sodisfazzjon, Valletta Cruise Port kisbet it-timbru Safe Travels mogħti mill-Kunsill Dinji tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu. Ħdimna wkoll fuq linji gwida għal cruising sigur fil-port tagħna, bl-għan li niffaċilitaw l-operat f’dan l-istadju kruċjali. Wara proċess rigoruż ta’ valutazzjoni tar-riskju fid-dawl tal-iżviluppi kurrenti, dawn il-linji gwida ġew approvati mill-awtoritajiet tas-saħħa. Huwa grazzi għal din il-ħidma kontinwa minn kulħadd – ħidma li damet għaddejja xhur sħaħ – li llum nistgħu nħabbru dan l-operat minn Viking Cruises,” qal is-Sur Xuereb.