gov.mt

pr210903

PR210903

14/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Insebbħu pajjiżna: ix-xogħol isir ukoll bil-lejl

​Diġà tnaddfu mal-40 triq arterjali


Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ għaddejja b’ritmu mgħaġġel tant li f’diversi lokalitajiet it-tindif qed isir anke filgħaxija u issa wkoll matul il-lejl. Dan qed jiffaċilita x-xogħol tal-ħaddiema biex jaħdmu fit-toroq l-aktar użati mingħajr ma jinżamm traffiku, filwaqt li jagħmilha wkoll possibbli li l-kampanja tkun daħlet f’kull lokalità ta’ Malta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Mira ambizzjuża iżda realistika li xprunat din il-kampanja mill-ewwel ġurnata biex tħalli pajjiż isbaħ u nadif. 

Fil-fatt, din l-inizjattiva, li issa daħlet fl-10 ġurnata tagħha, diġa għaddiet minn madwar 40 triq arterjali ta’ pajjiżna. Hu stmat li sa issa, din il-kampanja kopriet mill-inqas 210 kilometri ta’ toroq. 

F’dawn it-toroq sar knis, tneħħija ta’ ħaxix, żebgħa ġdida ta’ traffic islands u central strips, ħasil ta’ toroq u tindif ta’ tabelli, bdil ta’ bozoz, manutenzjoni fuq bankijiet u għamara oħra tat-triq, installazzjoni ta’ railings ġodda, u tiswijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ u tal-franka. Il-lista ta’ xogħlijiet kompliet tikber hekk kif fl-aħħar sigħat beda eżerċizzju ġdid li jara ż-żebgħa ġdida tas-sinjali tat-traffiku mal-art.

Fil-jiem li ġejjin, il-ħidma fit-toroq arterjali tibda tiġi konkluża gradwalment. Sussegwentement il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ tidħol fl-irħula u żoni residenzjali.

Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ hi kkordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, bis-sehem ta’ bejn 450 u 700 ħaddiem skont il-ħtieġa, li jaħdmu f’diversi entitajiet u dipartimenti tas-Servizz Pubbliku.