gov.mt

pr210928

PR210928

18/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Il-kampanja 'Insebbħu Pajjiżna' tidħol fl-irħula u l-ibliet

Tibda t-tielet ġimgħa tal-akbar inizjattiva kkordinata ta' tindif u tisbiħ

Wara t-tindif u tisbiħ fit-toroq arterjali, mil-lum il-kampanja 'Insebbħu Pajjiżna' bdiet tidħol fl-irħula u l-ibliet Maltin.

Fil-bidu tat-tielet ġimgħa tal-kampanja, il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku bdew mill-Belt Valletta u żoni turistiċi oħrajn bħal San Ġiljan, Sliema, Marsascala, San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra, fejn għaddej xogħol ta' tindif, tisbiħ u manutenzjoni.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar ħabbar kif fl-aħħar jiem bdew id-diskussjonijiet mal-kunsilli lokali biex jidentifikaw l-aktar postijiet li jistgħu jgawdu minn din il-kampanja.

“Fil-jiem li ġejjin, se nkunu qed nieħdu azzjoni fuq din l-informazzjoni u nżuru l-irħula u l-ibliet biex l-inizjattiva 'Insebbħu Pajjiżna' tkun waħda effettiva, li tassew tagħmel differenza pożittiva. Bdejna mill-Belt u se nkomplu fil-lokalitajiet l-oħrajn. Din hi kampanja ambizzjuża li qed issir kemm għat-turist iżda wkoll għall-Malti. Kulħadd se jgawdi minn pajjiż nadif," stqarr is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Fil-Belt Valletta saru bosta xogħlijiet, li jvarjaw minn tindif u tisbiħ sa manutenzjoni. Mil-lum, beda wkoll eżerċizzju ta' bdil ta' tabelli, filwaqt li tkompla l-eżerċizzju ta' tneħħija ta' graffitti u vandaliżmu ieħor f'diversi rkejjen tal-Belt.

Dawn ikomplu jkabbru l-lista ta' xogħlijiet li saru s'issa u li jinkludu knis, tneħħija ta' ħaxix, żebgħa ġdida ta' traffic islands u central strips, ħasil ta' toroq u tindif ta' tabelli, bdil ta' bozoz, manutenzjoni fuq bankijiet u għamara oħra tat-triq, installazzjoni ta' railings ġodda, tiswijiet ta' ħitan tas-sejjieħ u tal-franka, tneħħija ta' tabelli illegali u żebgħa ġdida tas-sinjali tat-traffiku mal-art.​

Il-kampanja 'Insebbħu Pajjiżna' hi kkordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, bis-sehem ta' bejn 450 u 700 ħaddiem skont il-ħtieġa, li jaħdmu f'diversi entitajiet u dipartimenti tas-Servizz Pubbliku.