gov.mt

pr210979

PR210979

25/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI​ Titnieda l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021

Jintemm il-proċess ta' tiġdid fis-Servizz Pubbliku u jibda t-tisħiħ tiegħu bi strateġija ġdida

Nhar il-Ġimgħa 28 ta' Mejju 2021 tirritorna l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku: avveniment annwali li jservi ta' vetrina għall-ħidma u għall-viżjoni tas-Servizz Pubbliku ta' Malta.

B'differenza minn snin preċedenti, din is-sena l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbiku se tikkonkludi l-eżerċizzju ta' tiġdid tas-Servizz Pubbliku biex tiftaħ ieħor li għandu jwassal għat-tisħiħ tiegħu.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li dan se jkun qed isir bi strateġija ġdida li se tkun imnedija aktar tard din is-sena u li fiha tgħaqqad it-tliet elementi l-aktar importanti li jwasslu għal servizz ta' kwalità: in-nies, it-teknoloġija u s-servizz innifsu.

“F'din il-ġimgħa se nkunu qed nidħlu fil-fond ta' kif it-teknoloġija se timmarka l-ġejjieni tas-servizzi li noffru, kif is-servizz innifsu se jitjieb u fuq kollox kif in-nies se jilagħbu parti prinċipali biex jintlaħqu l-miri li flimkien iwasslu biex nipprovdu servizz ta' eċċellenza. Konvint li dan għan li jintlaħaq. Meta bdejna t-tiġdid fis-Servizz Pubbliku, ftit emmnu li stajna nbiddlu daqstant u f'qasir żmien is-Servizz Pubbliku, li ħafna jarawh riġidu u inflessibbli. Illum hemm iktar li jemmnu fil-potenzjal tan-nies u tas-Servizz," qal is-Sur Cutajar.

Hu żied jgħid li fiduċjuż li l-miri l-ġodda li se jkunu varati fl-istrateġija l-ġdida jintlaħqu wkoll, biex finalment ikunu n-nies li jibbenefikaw minn servizzi ta' aktar kwalità.

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li tibda mill-Ġimgħa 28 ta' Mejju u tispiċċa s-Sibt 5 ta' Ġunju, se tinkludi diversi inizjattivi, laqgħat ta' policies u diskussjonijiet, inkluż ma' stakeholders tas-Servizz Pubbliku. Fost l-oħrajn, se jsiru kunċerti virtwali mill-baned tal-Forzi Armati ta' Malta kif ukoll tal-Pulizija, se jiġu rikonoxxuti uffiċjali pubbliċi li jkunu eċċellaw f'ħidmiethom u jingħata rendikont tal-ħidma vasta li saret fis-Servizz Pubbliku fl-aħħar sena. Dan kollu se jsir waqt li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Għall-ewwel darba, il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tat widen ukoll għall-aspirazzjonijiet ta' aktar minn 600 tifel u tifla dwar xi xtaqu jsiru la jikbru. Ix-xogħlijiet sottomessi f'din il-kompetizzjoni se jkunu għall-wiri f'esebizzjoni għall-pubbliku fis-sotterran ta' Kastilja.