gov.mt

pr210986

PR210986

25/05/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Imniedi l-Marsascala Regeneration Design Contest

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nediet inizjattiva bl-isem ta' Marsascala Regeneration Design Contest li permezz tagħha periti, inġiniera, urban planners u town planners, bħala konsorzju wieħed, ser ikunu jistgħu jissottomettu kunċett ta' disinn li b'mod ħolistiku jkollu l-għan li jtejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi f'Marsaskala. 

 

Dan il-konsorzju ser ikun mitlub joħroġ b'ideat ta' proġetti differenti li l-viżjoni ġenerali tagħhom tkun ir-riġenerazzjoni urbana ta' dan il-villaġġ pittoresk.  

 

Dan tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg. 

 

F'kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li fiċ-ċentru ta' dawn il-proposti trid tingħata prijorità liż-żoni pedonali billi jinkoraġġixxi attivitajiet assoċjati ma' kwalità ta' ħajja aħjar b'rispett sħiħ lejn il-benesseri tas-soċjetà inġenerali.

 

“Din l-inizjattiva hija pass ieħor għall-viżjoni tagħna li Malta tkun ċentru ta' eċċellenza turistika. Biex naslu għal dan l-għan, irridu nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi kif ukoll ambizzjużi. Minkejja l-isfidi kontinwi, il-pandemija tatna opportunitajiet kbar biex nibdew nibdlu l-mentalità tagħna għall-mod kif inħarsu lejn is-settur turistiku," kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

 

Il-ministru qal li l-istorja ta' Marsaskala fil-qasam turistiku għad għandha kapitli sbieħ quddiemha u l-gvern ser ikun hemmhekk biex ikompli jimbotta iżjed investiment f'din il-lokalità. 

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg saħaq li dan il-proġett ta' riġenerazzjoni għandu l-għan li jindirizza l-bżonnijiet ta' din iż-żona b'mod ħolistiku, fejn min-naħa naraw li ntejbu l-esperjenza ta' dawk kollha li jżuru Marsakala u min-naħa l-oħra jiġi assigurat li l-attivitajiet tal-istakeholders fiż-żona jkunu sostenibbli. 

 

“Dan il-proġett jimxi paripassu mal-miri tal-istrateġija nazzjonali għas-settur turistiku għall-għaxar snin li ġejjn, fejn it-turiżmu sostenibbli tpoġġa fuq quddiem ta' din l-istess strateġija," temm jgħid il-Kap Eżekuttiv Johann Buttigieg. 

 

Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sa mhux iżjed tard mid-9 ta' Settembru 2021 u d-disinn rebbieħ ser ikun qiegħed jiġi mogħti kuntratt ta' servizz għall-implimentazzjoni tal-istess proġett. ​​