gov.mt

pr211012

PR211012

28/05/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U L-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Imħabbar il-proġett għar-Riġenerazzjoni tal-Bajja tal-Għadira

​​Waqt żjara li saret fil-bajja tal-Għadira, il-Ministri Ian Borg u Clayton Bartolo ħabbru proġett ta’ riġenerazzjoni għal din il-bajja b’investiment li mistenni jkun ta’ €2 miljun, li permezz tiegħu se jiġi msebbaħ il-promenade tal-Bajja tal-Għadira u se tinħoloq rotta pedonali ta’ 1.2 kilometri tul il-bajja.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg tenna li, wara għexieren ta’ snin ta’ negliġenza, din il-bajja li hi mfittxija minn bosta nies u turisti fix-xhur tas-sajf, se tkun irriġenerata u msebbħa.

“Dan il proġett se joħloq bosta faċilitajiet ġodda u se jsebbaħ parti mill-wirt naturali tagħna għall-komunità nazzjonali. Nemmen li huwa turija oħra ta’ gvern li għandu għal qalbu l-wirt naturali ta’ pajjiżna u li jaħdem sabiex kull rokna ta’ pajjiżna tiġi msebbħa. Fix-xahar ta’ Marzu li għadda, meta inawgurajna l-parkeġġ tal-Għadira, konna eventwalment urejna x-xewqa li nestendu l-bajja u nagħmlu riġenerazzjoni tagħha sabiex iż-żona tingħata dehra isbaħ u aktar moderna. Illum bi pjaċir ngħid li l-ħidma issa se tibda u minn qalbi nixtieq nirringrazzja lill-aġenzija Infrastructure Malta li se tkun qed tassisti dan il-proġett. Persważ li se jkun proġett ta’ suċċess ieħor bħalma tawna madwar il-pajjiż kollu,” qal il-Ministru Ian Borg.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka li wara snin ta’ nuqqas ta’ investiment, il-gvern se jkun qiegħed jinvesti €2 miljun bil-għan li ż-żona tal-Għadira tkun waħda aċċessibbli u attiva kemm għas-sajf u anke matul is-sena kollha. 

Huwa żied jgħid li l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-bajja tal-Għadira huwa turija ċara ta’ kemm dan il-gvern qiegħed jadvoka l-kwalità fl-industrija tat-turiżmu. 

“Konna drajna li l-infrastruttura turistika tkun marbuta biss ma’ restawr ta’ bankijiet jew railings. Illum qegħdin nibdlu din il-mentalità, u minn manutenzjoni qegħdin immorru għal  riġenerazzjoni,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. 

Ix-xogħlijiet ewlenin fil-proġett se jinvolvu rikostruzzjoni tar-rotot pedonali eżistenti tal-promenade, sistema ta’ puġġaman ġdid b’sistema ta’ dawl inkorporat, formazzjoni ta’ katusi taħt l-art għal servizzi ġodda, rilokazzjoni ta’ pajsaġġ eżistenti u tħawwil ta’ siġar addizzjonali.

Mistennija ssir distinzjoni bejn aċċess pedonali u tal-vetturi bl-użu ta’ elementi ta’ pavimentar differenti u se jkun hemm introduzzjoni ta’ aċċessorji tat-triq ġdida. Il-proġett mistenni jkun mgħammar b’taraġ u rampi għal aktar aċċessibbiltà li jwasslu għall-bajja, sistema ta’ CCTV cameras, sistema ta’ Wi-Fi b’xejn, faċilitajiet sanitarji ġodda u disinn mill-ġdid tal-faċilitajiet tal-bus stop u l-qsim għal persuni bil-mixi.

Il-proġett se jinkludi l-introduzzjoni ta’ funtani tax-xorb u faċilitajiet għall-ħasil tas-saqajn, introduzzjoni ta’ bollards ġodda, introduzzjoni ta’ sinjali ġodda ta’ informazzjoni, introduzzjoni ta’ installazzjonijiet tal-arti minn artisti lokali u titjib tar-roundabout u tat-traffiku eżistenti.