PR211019

28/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Tibda l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021

Il-fiduċja tal-poplu fis-Servizz Pubbliku hi 12% aktar mill-medja Ewropea

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021, bit-tema 'Insaħħu s-Servizz Pubbliku', bdiet illum waranofsinhar. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, iddeskriviha bħala waħda li tagħlaq il-kapitlu tat-tiġdid biex tħejji ħalli jinfetaħ kapitlu ġdid għat-tisħiħ tas-Servizz Pubbliku.​

F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Cutajar qal li fuq il-bażi tal-istudji li saru dwar il-ħidma mwettqa, is-Servizz Pubbliku issa se jkollu strateġija ta' ħames snin biex isaħħaħ lilu nnifsu. Din l-istrateġija, għall-ewwel darba, se tiġbor flimkien it-tliet elementi ewlenin li fuqhom jaħdem is-Servizz Pubbliku, jiġifieri t-teknoloġija, in-nies, u s-servizz u l-kwalità tiegħu. Dawn huma l-elementi li l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku se tkun qed tiddiskuti bi tħejjija għal din l-istrateġija. 

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tnediet ukoll it-tieni edizzjoni tal-pubblikazzjoni 'Ħidma tas-Servizz Pubbliku', li tagħti rendikont tal-miżuri ta' simplifikazzjoni mwettqa, tal-ħidmiet prinċipali ta' ministeri differenti, kif ukoll ħidma oħra mwettqa mis-Servizz Pubbliku matul dawn l-aħħar tnax-il xahar. 

Minn din il-pubblikazzjoni joħroġ li s-Servizz Pubbliku wettaq mat-80% tal-miżuri ta' simplifikazzjoni li imbarka fuqhom is-sena li għaddiet. B'kollox twettqu mal-127 miżura ta' simplifikazzjoni fl-2020. 

Dawn il-miżuri jinkludu fost oħrajn applikazzjonijiet online għal għajnuniet soċjali, servizzi oħra online fil-qrati biex jgħinu fir-riċerka dwar sentenzi mogħtija, aċċessibbiltà sħiħa għall-kuntratti pubbliċi fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, u sistemi elettroniċi f'bosta oqsma – bħat-tagħrif dwar il-biedja, l-Istitut għall-Edukazzjoni, u l-proprjetà intellettwali. 

“Il-pubblikazzjoni tixhed ħidma f'oqsma innovattivi li forsi wieħed ma kienx jistenna li jkun proprju s-Servizz Pubbliku li jimbarka fuqhom. Fost dawn hemm ir-remote working, il-less paper office, kif ukoll il-qalba minn vetturi li jħammġu għal oħrajn elettriċi. Ħidma li tpoġġi lis-Servizz Pubbliku bħala leader f'dawn l-oqsma", qal is-Sur Cutajar. 

Ħidma oħra tinvolvi fost oħrajn it-trażżin tal-imxija tal-Covid-19, il-proġett massiv tal-flyovers fil-Marsa u f'Santa Luċija, it-tħawwil ta' aktar minn 11,000 siġra indiġena, skola ġdida f'Marsaskala u childcare centre ġdid f'San Ġwann, kif ukoll investimenti bla preċedent fid-Dipartiment tad-Dwana. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li din il-ħidma kollha ssarrfet f'fiduċja għolja tal-poplu fis-Servizz Pubbliku, tant li ċifri tal-Eurobarometer juru li l-fiduċja f'Malta qabżet bi 12% dik tal-medja Ewropea. 

Is-Sur Cutajar ta wkoll tagħrif dwar il-programm estensiv tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li tibda mil-lum 28 ta' Mejju u tispiċċa s-Sibt 5 ta' Ġunju. Il-programm jinkludi laqgħat mal-klijenti, kunċerti virtwali, għoti ta' awards, u wirja b'xogħlijiet artistiċi li saru mit-tfal.