gov.mt

pr211025

PR211025

29/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Mijiet ta’ tfal juru x-xewqa li la jikbru jagħmlu differenza b’karriera fis-Servizz Pubbliku

Aktar minn 600 tifel u tifla wrew ix-xewqa li meta jikbru jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies billi jaqbdu karriera fis-Servizz Pubbliku.

Dawn it-tfal ħadu sehem f’kompetizzjoni organizzata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni bit-tema, ‘X’Tixtieq Issir La Tikber?’ It-tfal rebbieħa ngħataw premjijiet f’attività li saret apposta għalihom bħala parti mill-Ġimgħa għas-S​ervizz Pubbliku. Ix-xogħlijiet kollha li ġew sottomessi għal din il-kompetizzjoni issa jinsabu għall-wiri fis-sotterran tal-Berġa ta’ Kastilja.

Mit-tweġibiet tal-parteċipanti dwar x’jixtiequ jsiru meta jikbru, jirriżulta li 22% huma mħajrin għal karrieri bħala tobba, infermieri, spiżjara jew xjenzati; 18% jixtiequ jaqbdu t-triq tal-pittura, l-iskultura, l-istorja jew l-isport; 15% jixtiequ jsiru pumpieri, pulizija jew suldati; 14% jitħajru jsiru għalliema, u 10% jagħżlu karriera qalb in-natura u l-annimali.

F’kelmtejn waqt il-premjazzjoni, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li x-xewqat li esprimew it-tfal jirriflettu l-varjetà kbira ta’ karrieri li joffri s-Servizz Pubbliku. In-numru sabiħ ta’ xogħlijiet li bagħtu l-istudenti jawgura tajjeb li l-pedamenti li nbnew fl-aħħar snin permezz tat-tiġdid fis-Servizz Pubbliku se joffru futur sabiħ lit-tfal tagħna. Dawn ix-xogħlijiet jindikaw li t-tfal qed jifhmu kemm is-Servizz Pubbliku joffri xogħlijiet eċitanti u importanti, u li verament l-istudenti jistgħu jaspiraw għal karriera fis-Servizz Pubbliku.

Nhar is-Sibt 5 ta’ Ġunju, is-Servizz Pubbliku se jiftaħ il-bibien tad-dipartimenti tiegħu għat-tfal kollha li ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni biex jagħtihom l-opportunità li jqattgħu ftit sigħat fil-postijiet tax-xogħol li huma miġbudin lejhom. 

Il-wirja bix-xogħlijiet tat-tfal fis-sotterran tal-Berġa ta’ Kastilja llum is-Sibt tkun miftuħa mis-2.00pm sas-6.00pm. Minn nhar it-Tnejn li ġej sal-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju tkun miftuħa mill-10.00am sas-6.00pm. Id-dħul (mill-entratura ta’ Triq il-Merkanti) huwa b’xejn.