gov.mt

pr211032

PR211032

31/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI ‘Insostnu l-kwalità biex niżguraw l-aqwa servizz u l-ogħla standards’ – Is-Segretarju Permanenti Ewlieni

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar illum żar żewġ entitajiet li fix-xhur li għaddew ġew mogħtija il-Quality Award li jassigura l-ogħla kwalità ta’ servizz. L-entitajiet huma ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm u l-Aġenzija Żgħażagħ, u ż-żjarat saru bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021. 


“Il-Quality Award tas-Servizz Pubbliku jingħata lil dipartimenti u entitajiet li jagħtu servizz eċċellenti lill-klijenti tagħhom. Dan irid jiġi sostnut u mkejjel permezz ta’ Quality Service Charters biex b’hekk niżguraw l-aqwa servizz u l-ogħla standards”, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni, li enfasizza kif din hi għodda oħra biex is-Servizz Pubbliku jixpruna dejjem aktar ħidma u servizzi ta’ kwalità. 

Fiż-żewġ postijiet is-Sur Cutajar iffirma l-Quality Service Charter rispettiv. Fl-ewwel żjara tiegħu, huwa ntlaqa’ u ddawwar mal-post minn Dr Alex Aquilina, id-Direttur tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm. Is-Sur Cutajar ġie infurmat li l-kwalità tas-servizz tant hija eċċellenti li jirrikorri għalih anke s-settur privat. 

Is-Sur Cutajar ingħata tagħrif dwar il-proċess kollu minn meta jittieħed id-demm sakemm dan jiġi sseparat f’komponenti differenti permezz ta’ forzi ta’ ċentrifugi. Ra wkoll it-tissue bank tal-corneas, fejn id-demm jiġi ffiltrat skont standards internazzjonali. Barra minn hekk, iddawwar mat-taqsima li bħalissa qed tintuża biex fiha jingħata t-tilqim kontra l-Covid-19.

Fl-Aġenzija Żgħażagħ, is-Sur Cutajar intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv, Miriam Theuma. Huwa ddawwar mal-post filwaqt li ngħata tagħrif dwar il-bosta attivitajiet li jiġu organizzati għaż-żgħażagħ u li huma edukattivi u divertenti fl-istess ħin.


​​