Fil-mixja lejn turiżmu iktar sostenibbli jeħtieġ kunsiderazzjoni serja tal-impatt soċjoekonomiku li ċertu miżuri jista' jkollhom fuq stati membri gżejjer u fil-periferija tal-Unjoni Ewropea, bħalma hi Malta, minħabba d-dipendenza fuq it-trasport bl-ajru u dak marittimu għall-konnettività mal-Ewropa u l-bqija tad-dinja.
Dan il-punt tqajjem mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fl-indirizz tiegħu waqt il-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea responsabbli mit-Turiżmu.
Il-Ministru saħaq li fil-proċess biex jiġu stabbiliti l-miri ta' sostenibilità fuq livell Ewropew, irid ikun hemm sensittività għall-bżonnijiet speċifiċi tal-Istati Membri u l-kompetitività tagħhom fl-oqsma politiċi kollha li fihom qed tiġi diskussa din it-tranżizzjoni.
Il-laqgħa organizzata mill-Presidenza Slovena tal-Kunsill tal-Ministri, trattat it-tranżizzjoni lejn ekosistema ta' turiżmu iktar reżiljenti, sostenibbli u kompetittiva. Il-Ministri kienu mitluba jagħtu l-veduti tagħhom dwar id-dokument 'Tourism Transition Pathways', li huwa dokument fformulat minn numru ta' esperti abbażi ta konsultazzjoni pubblika wiesgħa li l-Kummisjoni Ewropea wettqet matul is-Sajf li għadda.
Id-dokument huwa riżultat tal-Istrateġija Industrijali Aġġornata tal-UE, fejn il-Kummissjoni rrikonoxxiet it-turiżmu bħala settur ekonomiku ewlieni fl-ekonomija Ewropea u li permezz ta' dan qed tixpruna ħasset il-ħtieġa għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali għall-ekosistemi industrijali kollha. It-turiżmu huwa l-ewwel ekosistema industrijali, minn 14-il ekosistema, li ħa jkun qed jħejji triq ta' tranżizzjoni, bil-mira li fl-2030 ikollna ekosistema turistika reżiljenti, li taħdem b'mod effettiv lejn l-impenji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diċenju diġitali.