gov.mt

pr212110

PR212110

24/11/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Inawgurata Command & Control Room ġdida tal-112 f’Mater Dei

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri inawguraw uffiċjalment 112 Command Centre ġdid fl-Isptar Mater Dei. Dan il-command centre huwa parti mis-sistema ta’ 112 għall-emerġenza fil-pajjiż u huwa speċjalizzat għall-emerġenzi fejn ikun hemm bżonn assistenza medika. 

“Id-Dipartiment tal-Emerġenza f’pajjiżna jkollu madwar 110 sejħa għall-ambulanza kuljum, li jammontaw għal madwar 41,000 sejħa fis-sena. Fil-fatt 70% tas-sejħiet fuq il-112 jkollhom bżonn għajnuna medika. Dan iċ-ċentru huwa mgħammar bl-aktar software avvanzat li jeżisti u s-sistema hija wkoll imqabbda ma’ Transport Malta u għalhekk tindika liema ambulanza hi l-eqreb (bħala ħin) għall-post tal-inċident. Is-sistema tippermetti wkoll li t-tobba fl-Emerġenza jkunu jistgħu jaraw il-kundizzjoni eżatta tal-pazjent,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa rringrazzja lill-Ministeru għall-Intern għall-ħidma li ż-żewġ ministeri għamlu flimkien fuq dan il-proġett, lill-FMS u lill-ħaddiema kollha fid-Dipartiment tal-Emerġenza għad-dedikazzjoni u għall-impenn tagħhom.

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li dan l-investiment huwa xhieda ta’ kemm il-gvern huwa kommess li jsaħħaħ ir-riżorsi tal-forzi tal-ordni. “B’investiment ta’ €3.8 miljun, is-sistema teknoloġika tan-numru 112 fi ħdan id-Dipartiment tal-Emerġenza ser tkun iktar effiċjenti biex tirrispondi għas-sejħiet li jsirulha,” qal il-ministru. 

Fid-diskors tiegħu, elenka numru ta’ karatteristiċi li tinkludi s-sistema l-ġdida fosthom il-kapaċità li l-persuna li qed issejjaħ għall-għajnuna biex tibgħat ritratt hekk kif f’ċerti sitwazzjonijiet dan jista’ jwassal għal reazzjoni aktar immedjata mis-servizzi tal-emerġenza. Il-Ministru Camilleri temm jgħid li llum il-gvern qed jinvesti fl-aqwa apparat sabiex il-ħaddiema tal-forzi tal-ordni jaħdmu bl-aqwa għodda.

Malta bl-inqas rata ta’ mwiet ikkawżati mill-COVID-19 f​id-dinja

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru saħaq li Malta bħalissa għandha l-inqas rata ta’ mwiet mill-COVID-19 fid-dinja, u li dan hu grazzi għar-rata ta’ tilqim għolja ta’ pajjiżna. Huwa spjega li sal-aħħar ta’ Novembru se jkunu tlaqqmu l-persuni kollha li għandhom ’il fuq minn 70 sena, u persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Huwa appella lil min jaqa’ taħt din il-kategorija u li għadu ma rċeviex appuntament, sabiex iċempel 145. 

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li min-nhar it-Tnejn, 29 ta’ Novembru 2021, se tinfetaħ ir-reġistrazzjoni onlajn għall-vaċċin tal-booster fuq vaccin.gov.mt għal kull min għandu ’l fuq minn 50 sena. Huwa spjega li l-pjan tal-awtoritajiet tas-saħħa hu li sal-aħħar tas-sena jkun offrut il-booster lil kull min għandu ’l fuq minn 50 sena u b’hekk il-programm ta’ vaċċinazzjoni jkun mexa ’l quddiem bi 3 ġimgħat. 

Spjega li qed ikunu nnutati riżultati pożittivi fl-immunità ta’ persuni li huma avvanzati fl-età u li ħadu l-booster, iżda spjega li għal persuni ta’ taħt is-70 sena, idealment ikunu għaddew 6 xhur bejn l-aħħar doża u l-booster.  

Deċiżjoni dwar il-vaċċin għat-tfal mistennija fil-ġranet li ġejjin

Id-Deputat Prim Ministru spjega li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini mistennija tieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tad-dożi tal-vaċċin tal-COVID-19 għat-tfal ta’ bejn il-5 u t-12-il sena fil-jiem li ġejjin. Huwa spjega li Malta diġà ordnat id-dożi għat-tfal u li dawn jintbagħtu lejn pajjiżna l-mument li toħroġ l-awtorizzazzjoni. Huwa jistma li jekk tingħata l-awtorizzazzjoni, il-programm ta’ vaċċinazzjoni tat-tfal għandu jibda minn nofs ix-xahar ta’ Diċembru u li l-ewwel tfal li jingħataw prijorità jkunu dawk b’mard kroniku u li huma vulnerabbli.