gov.mt

pr211813

PR211813

01/10/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Lejn Servizz ta’ Eċċellenza: Il-Kabinett japprova strateġija ġdida għas-Servizz Pubbliku


Ikkommemorat il-ħames anniversarju tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi

 

Il-Kabinett tal-Ministri approva strateġija ġdida ta' ħames snin għas-Servizz Pubbliku bil-viżjoni aħħarija ta' servizz ta' eċċellenza. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza li fakkret il-ħames anniversarju tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.

 

Il-Prim Ministru qal kif l-istrateġija proposta mis-Servizz Pubbliku se tkun ibbażata fuq tliet pilastri: in-nies, it-teknoloġija, u s-servizz. Dawn se jħaddnu l-prinċipji tal-kwalità, il-kontabbiltà u s-sostenibilità, li jirriflettu preċiżament il-prinċipji komuni fil-ħidma tal-gvern.

 

Dr Abela żied jgħid li dan kollu juri kemm is-Servizz Pubbliku mhux biss għandu viżjoni ta' fejn irid jasal imma jaf ukoll kif se jasal.

 

Il-Prim Ministru ddeskriva s-Servizz Pubbliku bħala leader ewlieni f'diversi oqsma f'pajjiżna, fost l-oħrajn bl-ewwel Remote Working Policy, u fis-settur ambjentali bl-istudju biex il-flotta kollha tal-vetturi jinqalbu għal dawk elettriċi. Hu temm jgħid li r-riformi li saru fl-aħħar snin fis-Servizz Pubbliku Malti wasslu biex pajjiżna jintgħażel minn publishing house internazzjonali bħala case-study għal pajjiżi oħra.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li bħalma l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi kien instrumentali fit-tiġdid u r-riformi li saru fis-Servizz Pubbliku fl-aħħar snin, hekk ukoll se jibqa' parti integrali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida lejn servizz ta' eċċellenza.

 

Hu semma kif qabel kien hemm distakk bejn l-element ta' taħriġ u l-bżonnijiet tas-Servizz Pubbliku, u li l-IPS kienet l-ewwel istituzzjoni li għaqqdet dawn l-elementi mal-viżjoni tas-Servizz Pubbliku. Illum il-ġurnata, l-IPS joħroġ b'mod strutturat lista ta' korsijiet permezz ta' prospectus, filwaqt li jisponsorja regolarment uffiċjali pubbliċi biex jagħmlu l-qabża li jmiss.

 

Il-Kap taċ-Ċivil semma kif f'dawn il-ħames snin madwar 400 ħaddiem ingħataw sponsorship, filwaqt li madwar 500 student ingħataw traineeship jew apprentistat.

 

F'din is-sena akkademika ġdida, l-IPS se toffri 270 kors u s'issa diġà rċieva 2,500 applikazzjoni għall-ewwel nofs tas-sena. Minn din is-sena, l-IPS se jkollu wkoll l-ewwel studenti full-time tiegħu fuq livell ta' baċellerat, li jingħaqdu mas-Servizz Pubbliku kif ilestu b'suċċess dan il-kors.

 

Fi tmiem il-konferenza, il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kixfu mafkar tal-okkażjoni, li ġie ddiżinjat u nħadem mill-istudenti tal-MCAST.​