gov.mt

pr211845

PR211845

06/10/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Qafas leġiżlattiv ġdid imsejjes fuq 20 punt ta’ bidla għal riforma sħiħa u b’saħħitha fl-użu responsabbli tal-kannabis

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici nieda d-dettalji ta’ qafas leġiżlattiv ġdid li se jwassal għal riforma sħiħa u b’saħħitha dwar l-użu responsabbli tal-kannabis. Din ir-riforma, li hija bbażata fuq 20 punt ta’ bidla, se tara, fost l-oħrajn, li l-persuni li jagħmlu użu mill-kannabis f’ammonti żgħar ma jibqgħux jgħaddu mit-tbatija u mill-umiljazzjoni li jġibu magħhom l-arrest u l-proċeduri ġudizzjarji, se tagħti l-possibbiltà ta’ kultivazzjoni ta’ erba’ pjanti fid-djar għall-użu personali u se toħloq sors regolarizzat minn fejn persuna tista’ tikseb il-kannabis u ż-żrieragħ tal-kannabis.


B’dan il-mod u bħala miżura effettiva ta’ harm reduction, il-gvern se jkun qed jattakka b’mod ċar u effettiv iċ-ċrieki tat-traffikar tal-kannabis, il-black market u l-kriminalità li huma assoċjati miegħu. Fl-istess waqt, se jittieħdu l-prekawzjonijiet u s-salvagwardji legali sabiex jiġu mħarsa l-minuri u l-pubbliku inġenerali u se jissoktaw l-isforzi edukattivi fl-iskejjel, fil-komunitajiet u anke postijiet oħra kontra l-użu tad-drogi, partikolarment fejn jidħlu ż-żgħażagħ.

Il-Ministru Bonnici spjega li b’din ir-riforma l-gvern ma jridx u mhuwiex se jkun qed jinċentiva kultura tal-kannabis jew il-konsum tal-kannabis. “Minflok, din ir-riforma qed issir bħala miżura b’saħħitha ħafna ta’ harm reduction biex innaqqsu d-dannu li jinħoloq jekk nagħżlu li ma nagħmlu xejn”.

Dr Bonnici spjega li din ir-riforma qed issegwi proċess ta’ konsultazzjoni li nbeda f’Marzu li għadda bit-tnedija ta’ White Paper u laqgħat ma’ diversi stakeholders. “Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni kien attira 350 sottomissjoni u dan juri kemm din ir-riforma hija importanti u rilevanti għal ħafna sezzjonijiet tal-poplu Malti”, qal il-Ministru Bonnici.  

Huwa qal li, jekk l-abbozz ta’ liġi li qed jipproponi riforma dwar l-użu responsabbli tal-kannabis jiġi approvat mill-Parlament se jidħlu fis-seħħ 20 bidla, b’uħud minnhom ikunu s-segwenti:

Il-pussess ta’ kannabis f’ammont sa seba’ grammi għall-użu personali minn persuna ta’ tmintax-il sena jew aktar mhux se jkun reat, mhux se jagħti lok għal proċeduri (la fil-qorti u lanqas quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja) u mhux se jagħti lok għall-arrest u lanqas għall-konfiska tal-kannabis miżmuma fil-limitu ta’ dak permess mil-liġi. Dan sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi li jqanqlu suspett raġjonevoli ta’ traffikar.
 
Pussess ta’ ammont sa seba’ grammi ta’ kannabis minn persuna ta’ taħt it-tmintax-il sena għall-użu personali jwassal biex dik il-persuna tiġi mħarrka biex tidher quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja sabiex jiġi rakkomandat lilha pjan ta’ kura;
 
Pussess għall-użu personali ta’ kannabis fi kwantità ta’ iżjed minn seba’ grammi sa tmienja u għoxrin gramma jagħti lok biss għal proċeduri quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja u penali ta’ bejn ħamsin (50) u mitt (100) ewro u għall-konfiska tal-kannabis. Dan sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi li jqanqlu suspett raġjonevoli ta’ traffikar.
 
Konsum ta’ kannabis quddiem persuna taħt it-tmintax-il sena (kemm jekk fil-pubbliku u kemm jekk fil-privat) jagħti lok għal proċeduri quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja u penali ta’ bejn 300 u 500 ewro. 

Se tkun permessa l-kultivazzjoni fil-post tar-residenza ta’ massimu ta’ erba’ pjanti tal-kannabis (irrispettivament min-numru ta’ residenti). Din trid issir b’mod li l-pjanti ma jkunux jidhru minn postijiet oħra;

Se jkun permess li jsiru assoċjazzjonijiet li huma organizzazzjonijiet li l-membri tagħhom jistgħu jkunu biss individwi u li l-iskop tagħhom ikun li jikkultivaw il-kannabis biex iqassmuha fost il-membri. Dawn l-organizzazzjonijiet iridu jaħdmu bħala non-profit organisations u ħadd taħt it-18-il sena ma jista’ jkun membru tagħhom jew ikun preżenti f’xi post immexxi minnhom;
 
Se jkun hemm limitazzjoni tan-numru ta’ membri tal-organizzazzjoni (500) u tal-ammont ta’ kannabis li jista’ jitqassam lil kull membru (mhux aktar minn 7 grammi kuljum b’massimu ta’ 50 gramma kull xahar). L-organizzazzjoni tkun tista’ tqassam ukoll sa 20 żerriegħa tal-pjanta kannabis lil kull membru kull xahar; 
 
Il-postijiet immexxija minn dawn l-organizzazzjonijiet ma jistgħux ikunu f’inqas minn 250 metru minn skola, club  jew ċentru taż-żgħażagħ u ebda indikazzjoni b’sinjali, kliem jew disinni jew mod ieħor ta’ attivitajiet relatati mal-kannabis jew mal-kultura tal-kannabis ma jkunu jistgħu jintwerew minnhom; 

L-organizzazzjonijiet iridu jkunu reġistrati u mogħtija permess mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis li hija awtorità li se titwaqqaf bl-istess att u li se taġixxi ta’ regolatur tas-settur;
 
Se jkun hemm ukoll tibdil fid-definizzjoni ta’ “kannabis” (li preżentament il-liġi tirreferi għaliha bħala “Qanneb Indjan”) b’mod li ”Kannabis” ma tibqax tinkludi prodotti tal-kannabinojdi li ma jkunx fihom iktar minn zero punt tnejn (0.2) fil-mija ta’ tetrahydrocannabinoil (THC) u ż-żerriegħa tagħha;

Il-Ministru Bonnici qal ukoll li l-abbozz se jipprovdi wkoll li min fil-passat instab ħati mill-qorti ta’ reat li se jkun qed jiġi dipenalizzat, se jkun jista’ jneħħi s-sentenza mill-kondotta tiegħu b’sempliċi talba bil-miktub, mingħajr il-ħtieġa ta’ rikors.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lit-tim kollu ta’ esperti fil-liġi, fix-xjenzi u f’suġġetti oħra li għenu biex dan il-qafas leġiżlattiv ġdid seta’ jitħejja b’mod tant effiċjenti. Saħaq li jinsab kburi li jifforma parti minn gvern li ma jiddejjaq qatt jieħu d-deċiżjonijiet, jimplimenta riformi bla preċedent u jaġixxi fl-aħjar interess tas-soċjetà kollha kemm hi.

Dr Bonnici temm jgħid li jħares b’ottimizmu lejn il-proċess leġiżlattiv li diġà ġie tnieda t-Tnejn li għadda bl-ewwel qari tal-abbozz li se jwassal għal qafas legali ġdid għall-użu responsabbli tal-kannabis.


​​