gov.mt

pr211851

PR211851

07/10/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Jidħol fis-seħħ ir-remote working: 13-il dipartiment tal-gvern jibdew jaħdmu b’mod remot

13-il dipartiment tal-gvern minn ministeri differenti se jibdew jaħdmu bir-remote working matul dan ix-xahar. Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta dettalji dwar it-tranżizzjoni tas-Servizz Pubbliku għar-remote working. 


Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li din il-policy għandha l-għan li tilħaq bilanċi ġodda bejn il-ħajja u x-xogħol. Hu spjega li l-policy hi frott ta’ sentejn xogħol, li nbeda minn proġett pilota lura fl-2019 qabel il-pandemija tal-COVID-19. 

“Barra l-proġett pilota sar stħarriġ dettaljat waqt il-COVID meta l-ħaddiema tal-gvern kienu qed jaħdmu mid-dar dwar kif xogħol lil hinn mill-uffiċċju impatta s-servizz u l-ħaddiema. Ħadna nota tal-konklużjonijiet. Fost l-oħrajn irriżulta l-bżonn li jkollna remote workspaces, fejn dawn l-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minnhom waqt li jaħdmu b’mod remot. F’Jannar ħabbarna li sal-aħħar tas-sena se jkollna 15-il workspace, illum nista’ nħabbar li dawn tlestew kollha u jistgħu jintużaw”, qal is-Sur Cutajar. Hu żied jgħid li n-numru ta’ workspaces se jirduppjaw matul l-2023. 

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar beda proċess ta’ tranżizzjoni ta’ 18-il xahar, biex issir il-qabża mis-sistema tat-teleworking eżistenti għar-remote working. Għall-ewwel darba f’pajjiżna, din il-policy se tħaddan ukoll ir-right to disconnect.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku qal li filwaqt li setturi oħra għadhom qed jiddiskutu dwar forom ta’ remote working, is-Servizz Pubbliku kien l-ewwel li studjaha u qed jimplimentaha b’suċċess, b’linji gwida dettaljati u b’taħriġ speċjalizzat kemm lill-impjegati li se jaħdmu b’mod remot kif ukoll lil managers tagħhom li jridu jmexxu b’mod remot. 

“L-esperjenza tal-COVID-19 urietna li s-servizz ma kienx mittiefes waqt il-pandemija. B’dak l-għarfien u bl-esperjenza tal-proġett pilota, konvint li r-remote working se jimmotiva aktar l-uffiċjali pubbliċi, biex jingħataw riżultati aħjar. Għal darb’oħra qed inkunu leaders li nixprunaw il-bidla fil-pajjiż”, temm jgħid is-Sur Cutajar. 

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Sur Jonathan Gerada, Chief Information Officer, li ta dettalji dwar id-devices li se jkollhom kull uffiċjal pubbliku li jaħdem b’mod remot. Fost l-oħrajn dawn id-devices se jkunu sors ta’ konnetività li tagħmilha possibbli biex l-uffiċjal pubbliku jaħdem b’mod sigur u jikkomunika ma’ oħrajn b’mod remot. L-istess tagħmir iservi għal bosta għanijiet oħra inkluż biex isir booking għal remote workspaces.