gov.mt

pr211882

PR211882

13/10/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Verifika tal-IT – Dipartiment tal-Eżamijiet


L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, illum ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) intitolat 'Verifika tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni – Dipartiment tal-Eżamijiet'. L-għan ta' din il-verifika tat-Teknoloġija tal-Informatika (IT) kien li janalizza l-organizzazzjoni ġenerali tal-IT tad-Dipartiment tal-Eżamijiet (DoE) u jiffoka prinċipalment fuq is-sistemi ewlenin tal-IT.

 

Essenzjalment dan ir-Rapport inkluda s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin li ġejjin:

 

•           L-NAO nnota li d-DoE ma kellux pjan strateġiku formali tal-IT u lanqas baġit annwali speċifiku tal-IT, u b'hekk irrakkomanda l-abbozzar ta' pjan ta' dan it-tip u possibbilment l-allokazzjoni tal-estimi tal-baġit wara diskussjonijiet mal-Unit għall-Immaniġġjar tal-Informazzjoni (IMU-MFED) fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni (MFED).

 

•           Minħabba n-nuqqas ta' unit dedikat għall-IT fid-DoE, l-NAO rrakkomanda li l-ingaġġ ta' mill-inqas uffiċjal wieħed tal-IT full-time għandu jiġi kkunsidrat.

 

•           Fid-dawl tal-fatt li l-uffiċjali tad-DoE jużaw in-netwerk drives kondiviżi, hard drives esterni portabbli jew pen drives għall-kopji tad-data għall-back-up, l-NAO rrakkomanda li d-DoE tirrevedi l-proċeduri eżistenti tal-back-up tad-data adottati mill-uffiċjali tad-DoE u toħroġ linji gwida definiti b'mod ċar.

 

•           Meta wieħed iqis l-investimenti fl-ICT magħmula mill-MFED, l-NAO rrakkomanda li l-maniġment tad-DoE jiddiskuti u jikkollabora mal-IMU- biex dan jingħata deskrizzjoni ġenerika sħiħa tas-sistemi tal-IT tal-MFED rigward l-edukazzjoni, li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar awtomazzjoni u tħaffif tal-proċessi u l-funzjonijiet tad-DoE.

 

•           L-NAO rrakkomanda li d-DoE għandu jikkunsidra li jtejjeb il-firxa u l-aċċessibilità tiegħu għall-pubbliku permezz tal-użu ta' pjattaformi tal-midja soċjali.

 

•           Minħabba li d-DoE kien qed jipprepara biex jirriloka l-uffiċċji tiegħu għal sit ġdid wara dan l-eżerċizzju tal-verifika, l-NAO irrakkomanda li għandhom isiru l-isforzi kollha mid-DoE biex jiġi żgurat li għall-anqas, il-livell ta' aċċess fiżiku u kontrolli relatati mas-CCTV preżenti fl-uffiċċji l-qodma jinżammu fil-post il-ġdid. L-istess japplika għal-livelli ta' kontrolli ta' prevenzjoni u trażżin tan-nirien.

 

•           L-NAO rrakkomanda li d-DoE jibda jaħdem fuq Pjan ta' Kontinwità u Rkupru f'każ ta' diżastru. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà li jintuża sit alternattiv (bħal uffiċċju fil-bini tal-MFED) fejn hawnhekk ikunu aċċessibbli s-sistemi tad-DoE, li jaħdmu fuq is-servers tal-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika ta' Malta (MITA), jekk l-uffiċċji tad-DoE ma jkunux disponibbli minħabba xi diżastru.

 

Dan ir-Rapport huwa aċċessibbli mis-sit uffiċjali  tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika www.nao.gov.mt jew mill-paġna ta' Facebook www.facebook.com/NAOMalta.​