gov.mt

pr211919

PR211919

21/10/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Pass ’il quddiem biex is-Servizz Pubbliku jkollu l-flotta tal-vetturi taħdem bl-elettriku


Is-Servizz Pubbliku llum daħal fi ftehim għal studju komprensiv li se jwassal biex ikollu l-flotta tal-vetturi tiegħu taħdem bl-elettriku. B’din il-bidla ssir it-tranżizzjoni minn vetturi li jużaw fuels li jniġġsu għal dawk li jaħdmu b’enerġija rinnovabbli nadifa. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Garaxx tal-Gvern, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li din hi bidla strateġika li mhux se tieqaf mal-bdil tal-vetturi. Qal li fil-preżent is-Servizz Pubbliku għandu 866 vettura, li 7% minnhom jaħdmu bl-elettriku. Sostna li dan l-istudju se jara kif b’sistema ġdida sostenibbli tiżdied ukoll l-effiċjenza. 

“L-istudju se jħares lejn il-flotta eżistenti u l-użu attwali u jipproponi soluzzjonijiet u jintroduċi kunċetti ġodda, bħal carpooling bejn dipartimenti u ministeri. Il-qalba tal-vetturi se tkun biss il-qafas; irid ikun hemm elementi oħra fosthom taħriġ speċjalizzat u l-infrastruttura meħtieġa biex din il-bidla tkun suċċess, għalhekk dan l-istudju se jservi ta’ bażi importanti,” qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni. 

Is-Sur Cutajar żied jgħid li b’din il-bidla s-Servizz Pubbliku qed ikompli jagħti s-sehem ambjentali tiegħu lis-soċjetà. Semma inizjattivi oħra tas-Servizz Pubbliku bħal remote working u l-introduzzjoni ta’ one-stop-shops li naqqsu l-carbon footprint, kif ukoll kunċetti ġodda bħal less paper office. 

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti Anthony Gatt, li qal kif dan l-istudju se jiġi konkluż fi żmien sitt xhur.

L-iffirmar tal-ftehim tal-lum huwa pass li se jikkonsolida lis-Servizz Pubbliku bħala mexxej li se jwassal għal titjib fl-ambjent, fejn is-soluzzjonijiet li jaddatta għalih jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet usa’ tas-soċjetà.