gov.mt

pr211956

PR211956

29/10/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI


Dan l-uffiċċju jirreferi għal rapporti 'l bogħod minn korretti li dehru f'sezzjonijiet tal-midja dwar tagħrif li ġie rrappurtat li nkiseb mill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu lis-Servizz Pubbliku.

 

Kull sena fis-Servizz Pubbliku jsiru mat-13-il miljun tranżazzjoni ma' klijenti f'aktar minn elfejn servizz provdut. Meta wieħed iqis l-għadd ta' każijiet li jispiċċaw għand l-Ombudsman, ifisser li għandu jispiċċaw 3 każijiet minn kull 10,000 tranżazzjoni. Din iċ-ċifra waħidha hija indikazzjoni kemm l-amministrazzjoni pubblika tħares il-governanza u tagħti servizz tajjeb lill-klijenti tagħha.

 

Mill-2018 sal-lum, l-Ombudsman fetaħ medja ta' 311-il każ fis-sena. Madwar 60% minnhom lanqas biss kellhom għalfejn jiġu investigati mill-Ombudsman u jingħalqu mal-ewwel. 12% ingħalqu b'rakkomandazzjoni ta' soluzzjoni mill-uffiċċju tiegħu lis-Servizz Pubbliku.

 

Għajr għal 15 minn kull elf (1.5%), ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Ombudsman ġew implimentati. Dan huwa ferm 'il bogħod minn dak li ntqal minn sezzjonijiet tal-midja li 25% tar-rapporti tal-Ombudsman ġew injorati mis-Servizz Pubbliku.

 

Is-Servizz Pubbliku jwettaq medja ta' 98% tar-rakkomandazzjoni li jagħti l-Ombudsman.

 

Dawn huma fatti bbażati fuq figuri.

 

Din ma kinitx l-ewwel darba li għall-midja nħarġu figuri li ma jirriflettux il-fatti. Sena ilu, l-istess Ombudsman ġie rrappurtat li qal lill-President ta' Malta meta dan żar l-Uffiċċju tal-Ombudsman li s-Servizz Pubbliku ma jagħtix it-tagħrif li jitlob l-Ombudsman u li s-Servizz Pubbliku iwaħħal l-investigazzjonijiet tal-uffiċċju tiegħu. Il-fatti wkoll kienu ferm 'il bogħod minn hekk.

 

Għas-sena li għaddiet, is-Servizz Pubbliku wera li minn 148 każ li kien għad hemm pendenti, 119-il każ minnhom kienu qed jistennew l-azzjoni tal-Ombudsman, waqt li kien hemm 29 każ biss jistennew għand il-ministeri, u dan minħabba tibdiliet li kellhom isiru f'liġijiet, policies, jew proċeduri.

 

Sena wara oħra s-Servizz Pubbliku jagħti rendikont dettaljat fuq kull rakkomandazzjoni li jkun ta l-Ombudsman. Dan jagħmlu wkoll fil-każ tar-rakkomandazzjonijiet li jagħti l-Awditur Ġenerali. Dawn il-pubblikazzjonijiet huma aċċessibbli għal kulħadd mis-sit tas-Servizz Pubbliku, inkluż għall-media. ​