gov.mt

pr211626

PR211626

06/09/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Malta ser tospita ċ-champions Ewropej tal-waterpolo Pro Recco Genova bejn il-21 u 26 ta’ Settembru li ġej

​​

Iċ-ċhampions Ewropej tal-waterpolo Pro Recco Genova ser ikunu qegħdin jiġu għal taħriġ f'pajjiżna bejn il-21 u 26 ta' Settembru li ġej. 

 

Pro Recco Genova huwa l-aktar tim ta' suċċess fl-istorja tal-waterpolo Taljana, waqt li preżentament għandhom fuq il-kotba tagħhom fost l-aqwa players fid-dinja ta' din id-dixxiplina sportiva li jinkludu lil Aleksandar Ivović, Gergő Zalánkiu u Luka Lončar. 

 

Dan il-kamp ta' taħriġ ser ikun qiegħed iġib miegħu wkoll kontiġent ta' ġurnalisti sportivi minn SkySport 24. 

 

Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg. 

 

F'kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo saħaq kif il-wasla ta' dan it-tim mondjali f'pajjiżna ser tfisser reklam b'saħħtu għal Malta, barra minn xtutna kemm fl-Italja u anke fost dawk li huma segwaċi popolari ta' dan l-isport. 

 

“Fil-perjodu ta' Pro Recco f'Malta, ser inkunu qegħdin nagħtu lin-nurseries lokali tal-waterpolo l-opportunità biex jiltaqgħu ma' dawn il-players ta' fama mondjali. It-turiżmu sportiv irid ikun garanzija għall-futur tal-mod kif nibnu s-settur turistiku ta' pajjiżna għaż-żmien li ġej," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. 

 

Huwa żied jgħid kif din il-garanzija għall-futur tfisser li l-gżejjer Maltin jsiru l-għażla naturali ta' ażjendi mondjali sportivi biex dawn jiġu hawnhekk għal kampijiet ta' taħriġ.

 

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li din l-aħbar ser tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet b'saħħithom li hemm bejn Malta u l-Italja f'diversi aspetti, fosthom anke dak sportiv, ser twassal biex pajjiżna jingħata viżibilità xierqa fuq il-mezzi tax-xandir Taljani. 

 

​