gov.mt

pr211641

PR211641

08/09/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet mużikali Mellieħin


L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ffirmat ftehim mas-Soċjetà Filarmonica La Vittoria, l-Għaqda Mużikali Imperial u l-Choral and Orchestral Society Maria Bambina, sabiex dawn l-għaqdiet Mellieħin ikunu parti minn proġett pilota li permezz tiegħu jesebixxu proġetti u inizjattivi kulturali li minnhom igawdi t-turist domestiku u anke dak barrani. 

 

L-għaqdiet rispettivi li jinsabu fil-qalba tal-pjazza tal-Mellieħa huma parti integrali minn pjan tal-istess awtorità biex tiġi riġenerata din iż-żona tant frekwentata mit-turisti, f'termini infrastrutturali u soċjali.


Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu s-Sur Johann Buttigieg, kif ukoll rappreżentanti tal-għaqdiet mużikali Mellieħin. 

 

F'kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka kif il-volontarjat matul il-pandemija għaddej minn sfidi sabiex jibqa' ħaj u attiv fis-soċjetà Maltija. 

 

“F'dawn is-sena u nofs, in-nies tal-każini baqgħu jagħtu servizz lill-komunità. Il-vokazzjoni tal-volontarjat jixraqilha gratitudni u rispett. Għalhekk irridu ninvestu fl-għaqdiet mużikali, biex dawn tal-aħħar juru lin-nies hemm barra t-tradizzjonijiet kulturali li jagħmluna Maltin u Għawdxin," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

 

Il-Ministru Clayton Bartolo żied jgħid li l-gżejjer Maltin jinsabu f'tellieqa dinjija kontinwa u huwa għalhekk li bħala pajjiż irridu nkomplu nkunu minn ta' quddiem, billi nipprovdu l-għodod neċessarji sabiex il-prodott li noffru lit-turisti jkun wieħed ta' kwalità fl-esperjenza kollha kemm hi. 

 

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu s-sur Johann Buttigieg qal kif matul il-pandemija l-MTA kellha l-opportunità li tesplora metodi differenti dwar kf tista' ttejjeb il-prodott turistiku. 

 

“Dan wassal sabiex illum nidħlu fi ftehim ma' dawn it-tliet soċjetajiet kulturali, imnebbħin ukoll b'dak li fassalna fl-istrateġija għas-settur turistiku għall-għaxar snin li ġejjin. Permezz ta' dan l-iffirmar, dawn is-soċjetajiet se jkunu jistgħu jippromwovu dak li tassew jemmnu fih, filwaqt li fl-istess ħin inwasslu d-diversità u l-versatilità tal-prodott turistiku Malti, li għandu fiċ-ċentru tiegħu s-sbuħija tal-kultura Maltija, lill-mijiet ta' eluf ta' turisti li jagħżlu li jżuru lill-gżejjer tagħna," temm jgħid is-Sur Johann Buttigieg. ​