gov.mt

pr211643

PR211643

09/09/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: ‘72% tal-popolazzjoni kuntenta bis-Servizz Pubbliku’ – l-Ewrobarometru

Il-President ta’ Malta ppreżentat bil-ktieb li jiġbor ir-riformi li saru fis-Servizz Pubbliku

“72% tal-poplu Malti jinsab kuntent bis-Servizz Pubbliku, kif irriżulta mill-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer. Dan hu r-riżultat ta’ diversi bidliet li saru mill-2013, fejn is-Servizz Pubbliku ħadem bla heda biex itejjeb is-servizz u jdawru mill-mod kif konna mdorrijin bih. Issa dik il-ġrajja ta’ bidliet u riformi ġiet dokumentata”, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb akkademiku ‘Public Service Reforms in a Small Island State: The Case of Malta’ lill-President ta’ Malta George Vella.

Il-pubblikazzjoni, maħruġa minn Springer, hi parti minn studju li sar minn akkade​miċi Maltin li fih ġie analizzat it-tiġdid li seħħ fis-Servizz Pubbliku mill-2013 ‘l hawn u l-impatt li ħalla fuq is-servizz, fuq il-klijent u fuq l-impjegati tal-gvern. Din l-analiżi tagħti l-opportunità biex is-Servizz Pubbliku jikkonsolida dak li sar u jħejji għat-tisħiħ tiegħu permezz ta’ strateġija ġdida ta’ ħames snin.

Il-President George Vella esprima apprezzament għal kull min jifforma parti mis-Servizz Pubbliku. Qal li l-ktieb ippreżentat huwa ta’ importanza u ta’ relevanza, mhux biss minħabba l-materjal fattwali u r-riċerka li jwassal lill-qarrej, iżda għax iservi wkoll bħala dokument li jdaħħal lis-Servizz Pubbliku fil-memorja kollettiva tal-pajjiż. 

Il-President qal li din it-tip ta’ riċerka tista’ tkun ta’ għajnuna kbira lokalment u anke għal pajjiżi oħra biex jiddaħħlu riformi dejjiema u maħsuba sew. Huwa żied jgħid li s-Servizz Pubbliku huwa mudell fejn tidħol il-promozzjoni ta’ miżuri favur il-familja u oħrajn biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħajja personali tal-impjegati u x-xogħol.

Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar qal li b’din il-pubblikazzjoni s-Servizz Pubbliku jista’ jkompli jikkonsolida fuq il-bidliet li għamel. “Is-Servizz Pubbliku kien kuraġġuż li jħares lura biex itejjeb fuq li għamel mingħajr telf ta’ żmien, iżda determinat ukoll li jibqa’ jħares ’il quddiem, jibqa’ joħlom u jfassal il-viżjoni tiegħu,” qal is-Sur Cutajar.

Il-Professur Godfrey Pirotta qal li jemmen li dan il-ktieb se jservi ta’ referenza b’saħħitha għal riċerka u għal studji akkademiċi barra mill-pajjiż. Qal li din il-pubblikazzjoni mhux biss se taqta’ l-għatx ta’ akkademiċi barranin, iżda se tkun ukoll għodda strumentali anke f’Malta biex jinkiseb għarfien aħjar dwar is-sehem tas-Servizz Pubbliku Malti u t-tibdil li seħħ fl-aħħar tmien snin. 

“Dan il-ktieb sab pubblikatur daqstant prestiġjuż għaliex l-istudji li fih huma metikolużi u tal-ogħla livell. Dan il-ktieb se jkun ikkwotat mhux ftit minn akkademiċi fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika u tat-tmexxija pubblika,” spjega l-Professur Pirotta. 

Fid-diskors tiegħu, il-Professur Pirotta ta rendikont ta’ kif inhu mqassam il-ktieb, bl-ewwel taqsima tiffoka dwar l-istorja tas-Servizz Pubbliku, “għax l-istorja tas-Servizz Pubbliku hi l-istorja ta’ Malta – f’kull pass tal-istorja kien hemm is-Servizz Pubbliku.” It-tieni taqsima għandha ħames kapitli li lkoll jeżaminaw bir-reqqa r-riformi li saru mill-2013 ’l hawn, filwaqt li t-tielet parti toffri analiżi xjentifika tal-impatt li ħallew ir-riformi.