gov.mt

pr211690

PR211690

16/09/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Varata leġiżlazzjoni ġdida dwar l-użu tal-moniteraġġ elettroniku



F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri vara leġiżlazzjoni ġdida li tipprovdi għall-użu tal-moniteraġġ elettroniku f’pajjiżna.

Il-Ministru Camilleri spjega kif din il-leġiżlazzjoni se tkun qed tittieħed quddiem il-Parlament, wara li ftit tax-xhur ilu ntemm perjodu ta’ konsultazzjoni li matulha ntlaqgħu numru ta’ sottomissjonijiet minn diversi msieħba soċjali u organizzazzjonijiet. Il-leġiżlazzjoni ġdida se tkun qed toffri aktar sigurtà lill-komunità, speċjalment lill-vittmi, filwaqt li sservi bħala piena alternattiva lill-qrati tagħna f’sentenzi ta’ natura kriminali. 

Il-moniteraġġ elettroniku f’sentenzi tal-qorti qed ikun propost li jkun ikkunsidrat f’pieni ta’ priġunerija effettiva ta’ mhux aktar minn sena, u dment li r-reat imwettaq ma jkunx suġġett għal aktar minn piena massima ta’ sentejn priġunerija. Dan se jsir taħt il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti, inkluż il-possibbiltà li persuni jkunu jistgħu jżommu l-post tax-xogħol tagħhom, jew jibqgħu jsegwu kors ta’ tagħlim f’xi istituzzjoni edukattiva. 

Minbarra f’deċiżjonijiet tal-Qorti, il-moniteraġġ elettroniku se jkun jista’ jinħareġ skont ir-Regolamenti dwar il-Prison Leave jew mir-Regolamenti marbuta mal-Bord tal-Parole.

F’każijiet l-iżjed sensittivi li fihom individwi jinstabu ħatja minn qorti b’tali reati mhux se jkunu eliġibbli li jiskontaw is-sentenza tagħhom permezz ta’ din is-sistema. Dawn ir-reati huma relatati ma’ vjolenza domestika, vjolenza abbażi tal-ġeneru, f’każijiet ta’ nuqqas ta’ protezzjoni lill-minuri, f’obbligazzjonijiet ta’ manteniment, kif ukoll f’sitwazzjonijiet ta’ fejn ma nżammitx ordni ta’ Qorti, kuntratt dwar aċċess għall-ulied, jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ protezzjoni lill-minuri. 

Il-Ministru Camilleri spjega kif din hi l-ewwel tax-xorta tagħha, u li turi biċ-ċar il-viżjoni tal-gvern biex jinħolqu sistemi korrettivi moderni, filwaqt li dejjem tkun imħarsa s-sigurtà tal-vittmi tal-kriminalità, kif ukoll tas-soċjetà inġenerali. “L-impenn tagħna f’dan kollu juri kemm aħna nemmnu fit-tieni ċans, fejn persuna li tkun żbaljat bla dubju għandha tħallas għal għemilha imma m’għandiex titlef l-opportunità li tirriforma ruħha,” qal il-Ministru.  

Il-liġi ġdida se toffri iżjed protezzjoni għall-vittmi hekk kif, f’Każ ta’ Ordni ta’ Trażżin, Garanzija, Ordni ta’ Protezzjoni u Ordni ta’ Protezzjoni Temporanja, tagħti l-possibbiltà lill-Qorti li l-aggressur ikun electronically tagged sabiex ikun hemm serħan il-moħħ li l-kundizzjonijiet ikunu qed jiġu konfermati. Bil-moniteraġġ elettroniku l-awtoritajiet se jkunu qed isegwu l-passi tal-aggressur f’kull ħin u f’kull mument u għaldaqstant f’każ ta’ ksur ta’ regoli jittieħdu l-passi meħtieġa minnufih.