gov.mt

pr211691

PR211691

16/09/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ISPORT, IR-RIKREAZZJONI U L-GĦAQDIET VOLONTARJI: Investiment f’31 frame speċjalizzat għal tfal b’diżabilità biex ikunu jistgħu jilagħbu l-football



Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima u l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar ħabbru li b’għajnuna finanzjarja ta’ €21,000 lil Frame Football Malta setgħu jinxtraw 31 frame speċjalizzat għal tfal b’diżabilità biex ikunu jistgħu jilagħbu l-football. 

Frame Football huwa kunċett adattat tal-logħba tal-futbol għal tfal li għandhom bżonn ‘walking frame’ jew krozzi biex jilagħbu l-futbol. Dan l-investiment qiegħed jiżgura u jaċċerta li kull tifel u tifla li għandhom bżonn xi tip ta’ għajnuna mobbli u jixtiequ jilagħbu l-futbol bħall-kumplament tat-tfal jistgħu jagħmlu dan.

Dan l-investiment ikompli jikkonferma l-politika tal-gvern li jkollna soċjetà inklussiva u li tgħaqqad lil kulħadd biex flimkien bħala poplu wieħed inkabbru l-ħiliet tagħna.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li l-prinċipju tal-inklużjoni jikkontribwixxi ħafna għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan l-investiment juri b’mod tanġibbli kif il-prinċipju tal-inklużjoni ma jkunx biss wieħed għal fuq il-karta imma jkun attwat fil-konkret. L-inklużjoni fl-isport hi waħda mis-sisien tal-istrateġija nazzjonali għal persuni b’diżabilità li se titnieda fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Ministru saħqet fuq l-importanza li nkomplu noħolqu ambjent fejn il-persuna b’diżabilità tħossha komda li qed tagħmel dak li jagħmel ħaddieħor anke jekk f’forom differenti. Il-kontribut ta’ għaqdiet volontarji bħalma hija Frame Football Malta jsaħħaħ ħidmietna f’din id-direzzjoni. 

F’intervent li għamel waqt il-preżentazzjoni ta’ apparat speċjalizzat, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li llum hija ġurnata storika għall-inklużjoni fl-isport Malti u għat-tfal li għandhom diżabilità. “L-isport jgħaqqadna, iżda biex verament inkunu nistgħu ngħidu li permezz tal-isport kulħadd huwa inkluż irridu nibqgħu ninvestu biex kull persuna, irrispettivament jekk għandhiex diżabilità jew le, tkun parteċipi fl-isport.” Is-Segretarju Parlamentari qal li l-missjoni tal-gvern hija li minbarra li jinkisbu riżultati prestiġġjużi mill-atleti Maltin, kull individwu jkollu aċċess biex jitħarreġ u jipprattika l-isport. 

Is-Segretarju Parlamentari Grima żied jgħid li dan l-investiment fl-apparat tal-frame football, minbarra l-impatt fiżiku fuq tfal u żgħażagħ li għandhom dizabilità, se jgħinhom biex itejbu l-ħiliet soċjali, il-komunikazzjoni u l-kunfidenza fihom infushom. “Dawn l-investimenti jiddefinixxu l-messaġġ tal-gvern li verament huwa gvern għan-nies. Aħna kommessi li nibqgħu noħolqu l-opportunitajiet għal kull individwu biex ħadd ma jaqa’ lura,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq li dan l-investiment hu parti fundamentali mill-missjoni ta’ SportMalta, dik li tgħin sabiex ikun hawn soċjetà aktar b’saħħitha, inklussiva u ta’ suċċess. 

Il-President tal-Frame Football Malta Rita Darmanin ​Carbonaro saħqet li  l-investiment ipprovda għodda meħtieġa għal dawn it-tfal u ż-żgħażagħ sabiex ikomplu jiżviluppaw il-ħilijiet tagħhom fil-logħba tal-futbol li tant iħobbu, kif ukoll tpoġġihom fuq l-istess livell ta’ klabbs oħra barra minn xtutna li magħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw u jikkompetu f’tournaments u attivitajiet sportivi oħrajn.