gov.mt

pr211692

PR211692

16/09/2021

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: L-Aġenzija Residenza Malta tinvesti €85,000 f’sistema robotika immirata biex tassisti tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu



L-Aġenzija Residenza Malta qiegħda tiffinanzja inizjattiva taċ-Ċentru tal-Litteriżmu fl-Università ta’ Malta bl-isem EduRoboKids, proġett ta’ riċerka u żvilupp li jiffoka fuq l-interazzjoni bejn it-tfal u r-robots fil-kuntest tat-tagħlim, il-familja u l-iskola. 

Il-proġett ta’ sentejn għandu l-għan li jistudja aspetti differenti ta’ interazzjonijiet bejn l-umani u r-robots, kif it-tfal jirrispondu għar-robots verbalment u emozzjonalment f’sitwazzjonijiet ta’ tagħlim u x’tip ta’ soluzzjonijiet joħorġu bihom it-tfal għal problemi li jiltaqgħu magħhom meta jikkomunikaw mar-robots.

L-Aġenzija Residenza Malta allokat €85,000 fuq sentejn għar-riċerka u l-iżvilupp neċessarju għal dan il-proġett, li se jibda b’mod immedjat. Tliet robots se jiġu mixtrija, bl-għan li jassistu tfal bejn is-seba’ u l-għaxar snin fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

Il-Professur Charles L. Mifsud, direttur taċ-Ċentru għall-Litteriżmu, u l-persuna li qed jixpruna l-proġett, introduċa lil Tommy r-robot lill-mezzi tax-xandir u, spjega kif permezz ta’ din l-inizjattiva t-tfal se jkunu jistgħu jinteraġixxu ma’ social robot, jipprogrammawh, iħarrġuh biex jiftakar u jitgħallem matul iż-żmien u jkollhom konversazzjonijiet riflessivi ma’ tfal oħra f’dan il-kuntest. 

“Dawn ir-robots soċjali se jaġixxu bħala kumpanji tat-tagħlim għat-tfal. Mhux se jservu bħala sostitut għall-għalliema. Hemm evidenza ta’ riċerka internazzjonali intiża li turi li robots soċjali bħal dawn intużaw b’mod effettiv ma’ tfal li affaċċjaw diffikultajiet fit-tagħlim, speċjalment dawk fl-ispettru tal-awtiżmu,” qal il-Professur Mifsud. “Is-software EduRoboKids se jħarreġ l-involviment tat-tfal, l-iżvilupp tal-lingwa, il-livelli ta’ interazzjoni u komunikazzjoni bejn it-tfal, u l-kisba ta’ ħiliet ġenerali tal-litteriżmu. Grazzi lill-Aġenzija Residenza Malta talli għażlu li jappoġġjaw ir-riċerka tagħna, li se tikkontribwixxi internazzjonalment lejn għarfien eżistenti dwar l-użu ta’ robots soċjali biex jippromwovu l-komunikazzjoni u t-tagħlim, u jgħinu fl-iżvilupp ta’ reazzjonijiet adegwati għall-ħtiġijiet ta’ tagħlim ta’ tfal diversi.”

Ix-xogħol se jkun implimentat fi tliet fażijiet, inkluż l-ittestjar ta’ software, il-konnettività diġitali, il-produzzjoni ta’ materjal ta’ taħriġ inkluż dak promozzjonali, u taħrig lill-edukaturi. Wara dan, il-proġett pilota jitnieda fost numru ta’ tfal, ġenituri u edukaturi.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li, “M’hemmx investiment aħjar li nistgħu nagħmlu bħal dik fl-edukazzoni ta’ uliedna, li se jsiru ċittadini ta’ għada. Għandna pjaċir li qegħdin nagħtu appoġġ lil din l-inizjattiva, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali u korporattiva ta’ Aġenzija Residenza Malta. Huma dawn l-opportunitajiet li juru b’mod ċar kif id-dħul mill-investiment barrani jista’ jkun skjerat lejn inizjattivi soċjali li tgawdi minnhom il-komunità”.

Charles Mizzi, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Residenza Malta, qal li, “Din l-inizjattiva tmur ħafna mal-valuri tagħna, li waħda minnhom hi li nibnu konnessjonijiet bejn il-benefiċċjarji tagħna u l-komunità, billi nappoġġjaw proġetti lokali li jagħtu valur lis-soċjetà.”