Fir-reazzjoni tiegħu għall-pubblikazzjoni tas-Servizz Pubbliku ‘Governance Action on the Parliamentary Ombudsman’s Annual Report 2020’, permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Ispeaker tal-Parlament u mpoġġija fuq il-mejda tal-kamra it-Tnejn, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ma tax kas aspetti pożittivi, fosthom li 98% tal-każijiet magħluqa minnu juru li s-Servizz Pubbliku jkun aġixxa tajjeb.
Minflok, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ħa 31 jum jipprova jispjega kif skrutinju tal-Amministrazzjoni Pubblika huwa eżerċizzju ta’ governanza u kontabilità, imma meta dawn l-istess standards jiġu mitluba mill-Uffiċċju tal-Ombudsman stess, dak allura jkun attakk fuq l-istituzzjoni.
Għal fini ta’ korrettezza, il-proposti mressqa mis-Servizz Pubbliku għandhom l-għan li l-entitajiet kollha ta’ skrutinju fuq l-amministrazzjoni pubblika, mhux l-Ombudsman biss, ikollhom proċeduri ċari u trasparenti dwar Standard Operating Policies, inkluż fuq l-ingaġġ ta’ konsulenti u persons of trust fi ħdanhom.
Mill-istess risposta tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jirriżulta li għal darb’oħra, l-Uffiċċju tal-Ombudsman mhux jagħti kas dawn il-proposti tas-Servizz Pubbliku biex jiddaħħlu fl-emendi għal-liġi li tirregolah.
Entitajiet ta’ skrutinju ma għandhomx ikollhom huma wkoll skadenzi ta’ kemm għandhom idumu biex iwieġbu lill-pubbliku, bħalma għandha l-Amministrazzjoni Pubblika? Preżentament madwar 20 każ ilhom jistennew ir-risposta definittiva tal-Ombudsman bejn sentejn u ħames snin.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman ma għandux ikollu proċedura ċara għal min qed ifittex is-servizzi tiegħu dwar x’jista’ u ma jistax jinvestiga? Kwart mill-każijiet li daħlu fl-2020 għamlu l-ilment għand l-Ombudsman mingħajr ma l-ewwel ippruvaw jieħdu rimedju mill-Amministrazzjoni Pubblika.
Għandu l-Uffiċċju tal-Ombudsman iservi rwol ta’ customer care flok iwettaq verament il-funzjoni tiegħu ta’ skrutinju tal-Amministrazzjoni Pubblika?
L-Amministrazzjoni Pubblika qed tipproponi wkoll li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ikunu jibbażaw fuq il-fatti. L-Amministrazzjoni Pubblika għandha direzzjoni ċara li kwalunkwe rakkomandazzjoni mill-entitajiet ta’ skrutinju bħall-Uffiċċju tal-Ombudsman jiġu aċċettati u implimentati sakemm tali rakkomandazzjonijiet ma jmorrux kontra l-liġi.
Fi żmien meta r-rapporti tal-Ombudsman ma kinux jingħataw widen sena wara l-oħra, l-Amministrazzjoni Pubblika ma kinitx tiġi kkritikata. Illum il-ġurnata, meta r-rata ta’ implimentazzjoni hi dokumentata fl-intier tagħha, tiġi ppubblikata u tlaħħaq ir-rata ta’ 98%, is-Servizz Pubbliku qed jiġi kkritikat li huwa offensiv.
Il-pubblikazzjonijiet ‘Governance Action’ huma bbażati fuq il-fatti dokumentati, u s-Servizz Pubbliku lest jippreżenta l-informazzjoni dokumentata kollha lill-Ispeaker.