gov.mt

pr220044

PR220044

14/01/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ L-UE għandha tippromwovi rwol realistiku – il-Ministru Evarist Bartolo lill-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE


L-UE għandu jkollha rwol realistiku fid-dinja li tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha permezz ta' politika komprensiva dwar l-ekonomija, it-teknoloġija, l-azzjoni klimatika sad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f'laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin fi Franza. Il-Ministru Bartolo qal li jeħtieġ li l-isforzi jkomplu jsibu tal-inqas bażi komuni minima biex ngħixu flimkien minflok aktar konfrontazzjoni u eskalazzjoni li tista' ġġib katastrofi. Il-Ministru Bartolo qed jattendi għal-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi Brest, Franza.

 

Il-laqgħa bdiet b'sessjoni konġunta mal-ministri tad-difiża tal-UE dwar il-boxxla strateġika tal-UE fejn id-diskussjonijiet iffukaw prinċipalment fuq kwistjonijiet politiċi ewlenin bħas-sigurtà ċibernetika u t-theddid hybrid u biex tingħata gwida għal aktar ħidma fi ħdan il-kunsill biex jiġi trattat it-theddid globali li għaddej bħalissa u l-isfidi għall-UE.

 

Il-ministri tal-affarijiet barranin kellhom l-opportunità jiddiskutu s-sitwazzjoni tas-sigurtà li għaddejja fl-Ewropa tal-Lvant u kif l-UE u l-istati membri tagħha jistgħu jaħdmu flimkien ma' msieħba strateġiċi bħall-Istati Uniti u ma' organizzazzjonijiet bħall-OSCE.

 

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li rridu naħdmu bis-sħiħ biex ikollna arkitettura tas-sigurtà Ewropea li tqis l-interessi tal-pajjiżi Ewropej kollha biex jgħixu flimkien u ma jheddux lil xulxin filwaqt li jżommu s-sovranità tagħhom. Il-ministri kellhom ukoll sessjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina sabiex jikkordinaw risponsi għar-rwol tal-pajjiż f'fora multilaterali u r-relazzjonijiet tiegħu mal-istati membri tal-UE.

 

Il-Presidenza Franċiża ospitat ikla fil-preżenza taċ-Chairperson tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Moussa Faki, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Senegal, Aïssata Tall, biex tiddiskuti l-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana qabel is-Summit tas-17-18 ta' Frar 2022.

 

Il-Ministru Bartolo kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Kummissarju tal-UE għall-Viċinat u t-Tkabbir, Olivér Várhelyi, biex jiddiskuti s-sitwazzjoni li għadha għaddejja fil-Mediterran, partikolarment il-Libja kif ukoll is-sitwazzjoni tal-immigranti fiċ-Ċentru tal-Mediterran.​