gov.mt

pr220048

PR220048

15/01/2022

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET 7 libreriji regjonali u 10 djar tal-anzjani fost dawk li se jibbenefikaw minn kotba speċifiċi


Permezz ta' għajnuna finanzjarja minn Aġenzija Komunità Malta, seba' libreriji reġjonali, għaxar djar tal-anzjani kif ukoll il-Librerija Ċentrali Pubblika tal-Furjana se jkollhom kotba ġodda għall-użu ta' kull qarrej, inkluż dawk li għandhom ħtiġijiet speċjali. Din l-għajnuna qed tigi ffinanzjata minn fondi li l-agenzija għandha minn dħul minn kontribuzzjonijiet relatati ma' għoti ta' ċittadinanza għal servizzi eċċezzjonali b'investiment.

Din l-għajnuna se twassal għal żieda fl-ammont ta' kotba b'tipa kbira, 'level readers', u kotba li jistgħu jinqraw minn persuni bid-dyslexia, liema kotba se jkunu fil-Librerija Pubblika tal-Furjana. Dawn se jkunu mmirati b'mod partikolari lejn qarrejja żgħar.

Se jiżdiedu wkoll il-kotba b'tipa kbira, flimkien ma' 'level readers', kotba ideali għal persuni bid-dyslexia u kotba awdjo f'seba' libreriji madwar Malta, li jinsabu fil-Birgu, Birkirkara, Ħal Luqa, il-Mosta, Raħal Ġdid, Ħal Qormi u r-Rabat (Malta).

Barra minn hekk, se jinxtraw kotba għal tfal li jgħixu f'Dar San Ġużepp f'Santa Venera, u kotba li se jmorru f'għaxar djar tal-anzjani mifruxa madwar Malta, li jinsabu f'Buġibba, Bormla, Ħ'Attard, l-Imtarfa, il-Mosta, il-Mellieħa, ir-Rabat, tas-Sliema, San Ġiljan, u ż-Żejtun.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt żjara fil-librerija pubblika ta' Birkirkara, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' Komunità Malta, Joe Mizzi, u l-Kap Eżekuttiv ta' Malta Libraries, Cheryl Falzon.

Is-Segretarju Parlamentari qal li din l-għajnuna finanzjarja tlaħħaq l-€10,000. “Għal darb'oħra qed naraw kif fondi mill-investiment dirett barrani qed isarrfu f'ġid fil-qalba tal-komunitajiet tagħna", qal Alex Muscat. “Mhux biss qed ninvestu f'kotba konvenzjonali, imma qed naħsbu f'kulħadd. Meta naħdmu biex nattiraw l-investiment dirett barrani, inkunu f'pożizzjoni li niżguraw, permezz ta' fondi, li ma nħallu lil ħadd barra", żied jgħid is-segretarju parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Komunità Malta, Joe Mizzi, tenna l-impenn tal-aġenzija li tinvesti fit-titjib tas-soċjetà. Il-Kap Eżekuttiv ta' Malta Libraries, Cheryl Falzon, irringrazzjat lil Komunità Malta u saħqet dwar l-importanza li fil-libreriji nazzjonali jkun hemm kotba xierqa għal kull livell u kull tip ta' qarrej.​