PR220243

21/02/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Ċentru Servizz Familja b’servizz imsaħħaħ u f’binja ġdida

​​



Persuni bi bżonn ta’ skemi ta’ għajnuna mill-gvern issa jistgħu jiksbu servizz komplut miċ-Ċentru Servizz Familja – servizz.gov. Dan iċ-ċentru, li mil-lum beda jopera f’bini aktar ċentrali fil-Belt Valletta u b’servizz ikbar u iktar imsaħħaħ, se jkun qed iservi ta’ one-stop-shop għal kull għajnuna soċjali. 

Ċentru Servizz Familja se jagħti l-opportunità li klijent isirlu eżerċizzju ta’ profiling professjonali, jiġu identifikati l-iskemi u s-servizzi soċjali li hu eliġibbli għalihom, u tingħata l-assistenza kollha meħtieġa biex japplika b’suċċess. Dan kollu jsir b’rispett lejn il-privatezza tal-individwu u bla dewmien.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar qal li b’hekk il-klijent mhux biss se jsib is-servizzi soċjali kollha taħt saqaf wieħed, iżda wkoll jingħata servizz sħiħ li jibda mill-profiling u li jwassal sal-għoti tas-servizz lill-individwu. Is-Sur Cutajar żied jgħid li dan iċ-ċentru se jservi wkoll ta’ proġett pilota biex dan il-proċess sussegwentament jiġi provdut ukoll mit-23 hub reġjonali li servizz.gov għandu fil-komunità. 

Ċentru Servizz Familja, li jinsab fi 72, Triq Melita, il-Belt Valletta, se jkun immexxi minn servizz.gov, b’għajnuna professjonali minn social workers tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Servizzi oħra provduti minn servizz.gov se jkunu disponibbli fl-istess binja. 

Illum il-ġurnata servizz.gov joffri l-assistenza tiegħu permezz tal-freephone 153, 23 one-stop-shop fil-komunità, ċentri tekniċi fuq servizzi tat-taxxa u tal-edukazzjoni, mis-sit servizz.gov.mt u mill-Maltapps. Ċentru Servizz Familja hu mezz ieħor li jqarreb is-servizzi governattivi lejn in-nies u jixhed l-impenn tas-Servizz Pubbliku li jipprovdi servizz ta’ eċċellenza.