gov.mt

pr220361

PR220361

15/03/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Azzjonijiet industrijali ordnati bħalissa fis-settur pubbliku b'rabta ma' negozjati ta' ftehim kollettiv ġdid mhumiex ġustifikati. Dan għax huwa normali li wara li jinħareġ ir-writ tal-elezzjoni ġenerali, dawn in-negozjati jkunu sospiżi. Saħansitra kien hemm drabi fejn negozjati twaqqfu għal perjodi itwal minn kampanja elettorali. Ladarba jkun hemm gvern elett, in-negozjati jkomplu minnufih.

 

Kummenti li n-negozjati għandhom ikomplu għax jinbidlu l-politiċi mhumiex ġustifikati, għax il-politiċi ma jinnegozjawx ftehim kollettiv, u dawk l-impjegati pubbliċi li jinnegozjaw il-ftehim kollettiv mal-gvern ilhom prattikament l-istess persuni sa mill-2006. Fl-aħħar jiem kien hemm xi unions li ordnaw jew taw x'jifhmu li se jordnaw azzjonijiet li jistgħu jaffetwaw ħażin lill-klijenti, b'mod partikolari pazjenti, u l-appell hu biex jirrenja s-sens komun u l-azzjonijiet ikunu sospiżi, hekk kif fi ftit jiem oħra n-negozjati jkunu jistgħu jkomplu.

 

L-aħħar snin juru li din l-amministrazzjoni qatt ma qagħdet lura milli ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-gvern u tal-entitajiet governattivi. Minn wara l-elezzjoni tal-2017 'l hawn, ġew konklużi u qed jiġu gawduti mill-ħaddiema involuti 67 ftehim kollettiv u 42 ftehim settorali. B'kollox, 109 ftehim kollettiv f'leġislatura waħda. Malli tghaddi l-elezzjoni jitkomplew in-negozjati bl-għan li jiġu konklużi fl-iqsar żmien 40 ftehim ieħor. Dan kollu barra l-ftehim kollettiv ġenerali għall-ħaddiema kollha tal-gvern li ġie ffirmat qabel l-elezzjoni tal-2017 u li kien jorbot għal tmien snin, li jfisser li l-ħaddiema kollha tal-gvern għadhom qed igawdu kull sena u kull salarju minn dan il-ftehim kollettiv ġenerali wkoll.​