PR220550

03/05/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Servizz Pubbliku li infilsa l-kwalità f’dak kollu li jagħmel

​S’issa disa’ dipartimenti u entitajiet ingħataw il-Quality Award


Is-Servizz Pubbliku rnexxielu jwettaq it-tiġdid bla preċedent tiegħu nnifsu f’dawn l-aħħar disa’ snin għax infilsa l-kwalità f’dak kollu li jagħmel. Il-kwalità hija karatteristika essenzjali u inkorporata intrinsikament fis-servizzi kollha u fil-mod kif jingħataw, u fuqha hu msejjes il-kunċett ta’ eċċellenza li s-Servizz Pubbliku qed jaspira għalih.

Dan intqal mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, meta żar dipartimenti u entitajiet fi ħdan is-Servizz Pubbliku li s-servizz eċċellenti li jagħtu ġie rikonoxxut bil-Quality Award. Dawn huma d-Dipartiment tal-Informazzjoni, it-Taxpayer Service servizz.gov, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti u Servizzi Ewropej f’Malta. Iż-żjarat saru bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, li għandha t-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’. 

Il-Quality Award beda jingħata fl-2019 u baqa’ jingħata kull sena. S’issa kien hemm disa’ dipartimenti u entitajiet li ngħataw dan ir-rikonoxximent prestiġjuż. Aktar Quality Awards se jitqassmu fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.

Il-Quality Award, li jitwaħħal bħala plakka mal-bieb tad-dipartiment jew entità li jirċevuha, jingħata wara proċess sħiħ li matulu d-dipartimenti jew entitajiet konċernati jtejbu l-ambjent tax-xogħol, jagħmlu l-proċessi tagħhom aktar user-friendly u jfasslu Quality Service Charter, fost miżuri oħra. L-entità li tingħata Quality Award jibqa’ jsirilha monitoraġġ kontinwu, anke permezz ta’ mystery shoppers, biex ikun assigurat li l-livell tas-servizz ma jonqosx. Jekk il-livell jonqos, il-Quality Award jittieħed lura.

Is-Sur Cutajar qal li l-bidliet radikali li seħħew fis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin tnisslu mill-fatt li qabelxejn ġiet definita t-tifsira ta’ servizz ta’ kwalità, u l-kwalità bdiet titkejjel skont erba’ pilastri, jiġifieri l-vuċi, id-disinn, il-pakkett u l-kontabilità. Dan wassal biex is-Servizz Pubbliku dawwar il-mod kif jaħdem u kif jikkomunika mal-klijenti tiegħu, b’tali mod li beda jiffoka totalment u bla eċċezzjoni fuq il-klijent f’dak kollu li jagħmel.

Il-kisbiet li seħħew f’dawn l-aħħar disa’ snin issa se jkomplu jiġu kkonsolidati bit-twettiq tal-istrateġija ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’, fejn l-ewwel miżura elenkata tittratta proprju l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-għoti ta’ servizz eċċellenti b’sistemi, għodod u strutturi robusti fis-seħħ li jiggarantixxu l-konsistenza.

Is-Sur Cutajar qal li d-dipartimenti u l-entitajiet li jingħataw il-Quality Award għandhom iservu ta’ eżempju ta’ kif għandhom jaħdmu entitajiet u dipartimenti oħra, biex is-Servizz Pubbliku jrodd lura lill-klijenti tiegħu l-fiduċja li qed juru fih u jsarrafhielhom f’sodisfazzjon u serħan il-moħħ.


​​