PR220558

05/05/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Ministeri, dipartimenti, entitajiet u uffiċjali pubbliċi rikonoxxuti għas-servizz eċċellenti li taw



Rispons ta’ 8,400 persuna juri li 87% huma sodisfatti bis-servizz

F’ċerimonja fejn ingħata rikonoxximent mistħoqq lil ministeri, dipartimenti, entitajiet u persuni fis-Servizz Pubbliku li spikkaw għas-servizz eċċellenti li taw, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar tkellem dwar il-mezzi li s-Servizz Pubbliku stess qed jipprovdi lill-klijenti tiegħu biex jesprimu ruħhom dwar is-servizz li jingħataw. F’dawn l-aħħar sitt xhur biss, ġew installati mas-60 tablet u 100 QR Code, li permezz tagħhom 8,400 persuna taw ir-rispons tagħhom u rriżulta li 87% tal-klijenti huma sodisfatti bis-servizz mogħti.

Iċ-ċerimonja ta’ rikonoxximent saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella, bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, li għandha t-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’. Matulha ngħataw awards lil ministeri, dipartimenti u entitajiet b’rabta mal-miżuri ta’ simplifikazzjoni, mal-ippjanar u t-twettiq, u mal-prattika tajba, kif ukoll awards lil uffiċjali pubbliċi għas-servizz ta’ kwalità għolja ħafna li taw lill-klijenti.

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali rċieva l-award talli wettaq l-akbar numru ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni fis-sena 2021, filwaqt li l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ġie rikonoxxut bħala l-ministeru li wettaq il-miżuri ta’ simplifikazzjoni li ħallew l-akbar impatt. L-award għall-aħjar ippjanar u twettiq mar għand il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.

L-award għal prattika tajba ġie ppreżentat lill-Borża ta’ Malta, il-MITA u d-Direttorat tar-Restawr. B’rabta mal-prattika tajba ngħataw ukoll tliet awards oħra bħala rikonoxximent speċjali. Dawn marru għand l-Istamperija tal-Gvern, il-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u n-National Health Screening ingħataw ir-rikonoxximent prestiġjuż tal-Quality Award.

Erba’ uffiċjali pubbliċi ngħataw l-Għotja ta’ Rikonoxximent għal Servizz ta’ Kwalità. Dawn huma Dott. Carmel Abela, li jmexxi d-Dipartiment tal-Anestesija fl-Isptar Mater Dei u li spikka bil-ħidma tiegħu matul il-pandemija tal-Covid-19; Svetlana Mangion mir-Residency Malta Agency, li ġiet nominata għax tmur lil hinn mid-dmirijiet normali tagħha biex tiżgura li x-xogħol isir bl-aħjar mod possibbli; Marilou Lourdes Gatt, li taħdem bħala Social Worker mal-Aġenzija Appoġġ u li tilqa’ kull sfida bi tbissima u b’determinazzjoni biex id-drittijiet tat-tfal u tan-nisa jkunu dejjem imħarsa; u Janice Darmanin, li spikkat fil-ħidma tagħha bħala Assistenta Kap ta’ skola. 

Ir-Rikonoxximent Speċjali din is-sena ngħata lill-Kuntistabbli tal-Pulizija PC2423 Charlene Delia, li għamlet att erojku meta salvat tifla ta’ erba’ snin milli tittajjar minn karozza.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Cutajar qal li sa mill-bidu nett tat-tibdil kollu li twettaq fis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin, il-kwalità tas-servizz kienet il-qofol tal-pjani kollha li saru u li ġew attwati. “Mill-bidu ddeċidejna li mhux kollox jgħodd għas-Servizz Pubbliku. Dak iż-żmien għadda u mar,” saħaq is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Żied jgħid li kull mira li tfasslet biex is-Servizz Pubbliku jilħaq il-viżjoni tiegħu ntlaħqet b’mod mill-aktar qawwi, tant li s-Servizz Pubbliku issa ilu snin fil-quċċata tal-egovernment. Iddaħħlu sistemi ta’ mystery shoppers u l-klijenti qed jingħataw aċċess biex iressqu l-ilmenti tagħhom direttament jekk ma jogħġobhomx is-servizz, bi struttura li tieħu ħsieb tirranġa l-każ partikolari.

Is-Sur Cutajar qal li anke fil-bażi tal-istrateġija tas-Servizz Pubbliku għall-ħames snin li ġejjin, li issa bdiet tiġi implimentata, hemm il-kwalità. “Il-kwalità trid tiġi rikonoxxuta wkoll. U dak hu li qed nagħmlu llum - nirrikonoxxu lil min joffri servizz ta’ kwalità, lil min jilħaq livelli għolja ta’ kwalità. Wara l-Quality Labels li qed jingħataw hemm dan il-qafas li jistrieħ fuq il-focus fuq il-klijent mingħajr ebda eċċezzjoni,” qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Filwaqt li fakkar li wieħed mill-pilastri tad-definizzjoni tal-kwalità huwa l-kontabbiltà, is-Sur Cutajar qal li l-kwalità m’għandhiex saqaf li jista’ jintlaħaq. Il-kwalità tas-servizz se tibqa’ titjieb biex iżżomm postha fl-istess livell tal-aspettattivi tan-nies, jogħlew kemm jogħlew dawn l-aspettattivi.

Fi tmiem l-attività, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar ippreżenta lill-President ta’ Malta sett ta’ bolol kommemorattivi li nħarġu fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.