gov.mt

pr220561

PR220561

05/05/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Ħames proġetti ġodda li se jkomplu jtejbu l-mod kif jaħdem is-Servizz Pubbliku u jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies


Bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, li għandha t-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’, illum ġew varati ħames proġetti ġodda li se jkomplu jbiddlu u jtejbu l-mod kif jaħdem is-Servizz Pubbliku u jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies. Il-proġetti huma d-Digital Transformation Hub, ir-Reġistru Ċentrali, Remote Workspace ta’ servizz.gov f’Kordin, Ċentru ta’ Taħriġ tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi f’Kordin, u l-estensjoni tas-servizzi tal-Employee Support Programme fil-Belt.

F’konferenza tal-aħbarijiet fejn tnedew dawn il-proġetti, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar qal li llum mhux biss ġew varati ħames proġetti importanti għall-istrateġija l-ġdida tas-Servizz Pubbliku, iżda qed tingħata wkoll togħma tagħhom ħalli n-nies jagħrfu l-ambizzjonijiet tas-Servizz Pubbliku biex jaġġorna ruħu u biex jagħti servizz ta’ eċċellenza.

Meta rrefera għall-proġetti nfushom, is-Sur Cutajar qal li d-Digital Transformation Hub se jkun ċentru li fih, bl-għajnuna tat-teknoloġija, kull servizz ikun meqjus u mfassal mhux biss b’attenzjoni għad-disinn tiegħu imma wkoll għall-mod kif jiġi provdut. Hekk kull servizz, bl-involviment anke tal-klijenti nfushom, jiġi eżaminat u mistħarreġ u jkun aċċertat li dak li li se jiġi ppreżentat jilħaq u saħansitra jeċċedi l-aspettattivi tan-nies. Binja eżistenti fil-Furjana diġà ġiet identifikata biex isservi għal dan l-għan. 

Il-proġett tar-Reġistru Ċentrali, imbagħad, se jbiddel drastikament il-mod kif jaħdem is-Servizz Pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reġistrazzjoni ta’ dokumenti, b’tali mod li jkun hemm ħafna aktar effiċjenza. Is-Sur Cutajar spjega li llum hemm mas-70 reġistru, b’aktar minn 4 miljun dokument. Kull sena jiġu reġistrati 200,000 dokument ġdid u kull xahar ikun hemm mal-100,000 moviment.

B’dan il-proġett, dan kollu jsir sistema elettronika u kollox jiġi kkonċentrat f’binja waħda, bi standards u proċeduri uniformi għas-Servizz Pubbliku kollu, proċeduri li qed ikunu ddisinjati b’reqqa u li jibdew minn meta jasal dokument sakemm dan imur fl-Arkivji Nazzjonali snin wara skont il-każ.

Ma’ dan il-proġett hemm abbinat it-tnaqqis fl-użu tal-karta fix-xogħol tas-Servizz Pubbliku. F’dan ir-rigward diġà saru proġetti pilota li permezz tagħhom ittieħdet l-esperjenza meħtieġa biex is-sistema tinfirex mas-Servizz Pubbliku kollu.

Dwar il-proġetti ta’ servizz.gov u l-IPS f’Kordin, is-Sur Cutajar qal li li dawn huma entitajiet tewmin li twaqqfu biex jixprunaw it-tiġdid fis-Servizz Pubbliku ftit aktar minn ħames snin ilu. Issa fergħat tagħhom se jkunu qed jaqsmu bejniethom il-binja f’Kordin fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet. Nofs il-binja se tkun qed isservi bħala ċentru ta’ taħriġ għall-IPS, b’lecture rooms bl-aħjar tagħmir. In-nofs l-ieħor se jkun f’idejn servizz.gov biex jinbidel f’remote workspace li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ din in-naħa tal-gżira. Dan se jiżdied mal-15-il remote workspace li diġà qed jaħdmu u li qed jaqdu mal-elf uffiċjal pubbliku.

Dwar il-proġett tal-Employee Support Programme (ESP), is-Sur Cutajar spjega li l-binja li bħalissa tospita kemm lid-Dipartiment tal-Informazzjoni kif ukoll lill-P&SD fil-Belt Valletta qed titkabbar biex magħhom jiżdied l-ESP. B’dan il-mod, f’lok aktar ċentrali, is-Servizz Pubbliku se jkun qed jipprovdi servizzi ta’ counselling u appoġġ lill-impjegati tiegħu li jkollhom diffikultajiet fil-ħajja personali u fuq il-post tax-xogħol. Dan permezz ta’ psikologi, counsellors, social workers u gwida għall-karriera. 

Is-Sur Cutajar qal li dan il-proġett jimxi id f’id mal-programm People 360, fejn in-nies jitqiesu mhux bħala riżorsa iżda bħala element ewlieni fil-kumplessità kollha tiegħu. Il-ħidma tal-programm People 360 hija ffukata biex toħroġ l-aħjar min-nies u timbotta ’l quddiem it-talenti li bilfors jeżistu f’organizzazzjoni daqstant kbira bħalma hu s-Servizz Pubbliku.