gov.mt

PR220639

pr220639

17/05/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ: "Malta trid tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni mar-Renju Unit" – Il-Ministru Ian Borg

​​

“Malta tixtieq li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali tagħha mar-Renju Unit, dan sabiex niżguraw li ċ-ċittadini tagħna u l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jissaħħu". Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa bilaterali li kellu mal-Ministru Ingliż għall-Ewropa u l-Amerka ta' Fuq James Clevelry.

 

Matul din il-laqgħa l-Ministru Borg spjega kif Malta hija impenjata li tkompli tagħmel ir-riformi neċessarji fil-pajjiż u spjega anke l-progess sinifikanti li pajjiżna għamel fejn tidħol is-saltna tad-dritt. Huwa spjega wkoll kif għaddejja ħidma qawwija biex fl-inqas żmien possibbli Malta wkoll toħroġ mil-lista l-griża tal-FATF, dan wara li l-istess FATF innutat il-ħidma effettiva u sinifikanti li wettqet f'dan iż-żmien qasir. Naturalment id-diskussjoni bejn iż-żewġ ministri ffukat ukoll fuq il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna u kif iż-żewġ pajjiżi qed iħarsu lejn l-isfidi li din qiegħda u ser tkompli ġġib magħha.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clevelry awgura kull suċċess lill-Ministru Borg fil-kariga l-ġdida tiegħu u sostna li jħares 'il quddiem biex iż-żewġ pajjiżi jidħlu wkoll f'diskussjonijiet tekniċi biex anke fid-dawl tal-ftehim tal-irtirar mill-Unjoni Ewropea, xorta waħda l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi jiqba' wieħed b'saħħtu. Huwa sostna wkoll li jixtieq li r-relazzjonijiet storiċi u kulturali qawwijin li jeżistu, ikunu ta' xprun u ambizzjoni għal setturi oħra. Il-Ministru Cleverly tenna li l-Gvern Ingliż għandu l-għan li jkompli wkoll joffri numru ta' riżorsi lil Malta f'setturi speċjalizzati.

 

Il-Ministru Borg kien akkumpanjat mill-Kummissarju Għoli ta' Malta għar-Renju Unit Dr Emmanuel Mallia.

 

Waqt li kien fir-Renju Unit, il-Ministru Ian Borg kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali Kitack Lim. Matul il-laqgħa tkellmu fuq l-impenn ta' pajjiżna fuq l-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tas-Sustainable Development Goals, kif ukoll dwar l-impenn tagħna fis-settur marittimu.​