gov.mt

pr220638

PR220638

17/05/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inawgurata kamra multisensorjali ġdida f’Esplora

Ġiet inawgurata kamra multisensorjali ġdida f’Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax Xjenza, fil Kalkara. Il-proġett, li sar bl-appoġġ sħiħ tal-Bank of Valletta, se jipprovdi esperjenza immersiva lill-viżitaturi. Il-kamra fiha tagħmir speċjalizzat biex jipprovdi ambjent li jikkalma u fl-istess ħin jistimola l-attività mentali u jippromwovi l-interazzjoni.


Il-kamra multisensorjali ġiet inawgurata uffiċjalment mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, fil-preżenza ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u Charles Azzopardi, il-Kap tas-CSR u Komunikazzjoni fi ħdan il-Bank of Valletta.

Il-Ministru Clifton Grima esprima sodisfazzjon li kollaborazzjonijiet bejn entitajiet qed jirriżultaw f’aktar opportunitajiet u mezzi għal kull settur tas-soċjetà. “Din il-kamra multisensorjali hija mezz importanti biex kulħadd ikun jista’ jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu, u apparat u tagħmir bħal dan jgħin mhux biss fl-iżvilupp tat-tagħlim, u l-ħolqien mingħajr limitazzjonijiet, imma wkoll huwa eżerċizzju fl-inklussività. It-terapija multisensorja toffri tfal u adulti b’diffikultajiet sensorjali l-opportunità li jitgħallmu, jissoċjalizzaw, u jgawdu varjetà ta’ esperjenzi sensorji.”

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq li proġetti ta’ innovazzjoni bħal din il-kamra multisensorjali huma fundamentali sabiex il-poplu kollu jkun jista’ jgawdi minn dawn il-proġetti bl-għodod teknoloġiċi li jwasslu lis-soċjetà f’livell għoli ta’ inklussività soċjali, bl-użu tat-teknoloġija. Huwa saħaq li, “Hemm bżonn noħolqu iktar għarfien fuq livell nazzjonali biex nagħmlu użu mir-Riċerka u l-Innovazzjoni f’diversi oqsma soċjali ħalli b’hekk inkunu qegħdin intejbu wkoll ħajjet in-nies li sa issa kellhom joqgħodu lura minħabba xi forma ta’ diżabilità.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv Jeffrey Pullicino Orlando qal li, “Dan il-proġett ġdid se jservi nies b’diżabilitajiet fiżiċi, konjittivi u sensorjali, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali permezz ta’ din l-inizjattiva li tifforma parti mill-valuri ta’ Esplora lejn it-tkattir ta’ kuxjenza għall-inklużjoni u l-aċċessibilità. Permezz tal-kollaborazzjoni ma’ Bank of Valletta, dan is-servizz ġdid huwa disponibbli mingħajr ħlas addizzjonali għajr il-miżata tad-dħul normali għall-Esplora, u dan jagħmilha aċċessibbli għal kulħadd”.

“Il-kollaborazzjoni tal-Bank ma’ Esplora għandha l-għan li tipprovdi kenn mill-bumbardament ta’ stimulazzjoni li nirċievu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum”, qal Charles Azzopardi. “Dan il-proġett jifforma parti mill-impenji ESG tal-Bank u aħna konvinti li l-investiment tal-Bank f’dan il-proġett, flimkien mal-impenn ta’ Esplora, se jara lill-komunità taħsad il-benefiċċji tas-servizzi terapewtiċi pprovduti.”

Il-viżitaturi jistgħu jesperjenzaw il-kamra u jitgħallmu dwar l-użi u l-benefiċċji tagħha mill-membri tat-tim ta’ Esplora, li rċevew taħriġ speċjalizzat mill-Aġenzija Sapport, jew jagħżlu li jkollhom Occupational Therapist tal-għażla tagħhom waqt is-sessjonijiet.

Il-kamra multisensorjali hija aċċessibbli permezz ta’ ‘hoist’ u tinkludi tagħmir sensorjali speċjalizzat li jipprovdi stimulazzjoni ottika, akustika u tattili. Id-dwal, ħsejjes u projezzjonijiet disponibbli fil-kamra, kollha jistgħu jinbidlu biex jippermettu lill-viżitaturi joħolqu l-ambjent perfett tagħhom stess kull darba li jagħmlu użu minnha.