gov.mt

pr220652

PR220652

18/05/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport konġunt fuq il-ġestjoni tal-iskart tal-plastik fl-Ewropa

L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, ippreżenta r-rapport konġunt fuq Management of Plastic Waste in Europe lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia. Ir-rapport ibbaża s-sejbiet u l-konklużjonijiet tiegħu fuq tnax-il rapport ta' verifika li saru fuq livell nazzjonali u li kienu ppreżentati lill-parlamenti rispettivi tal-Albanija, tal-Bulgarija, tal-Ungerija, ta' Malta, tal-Moldova, tal-Maċedonja ta' Fuq, tal-Polonja, tal-Portugall, tas-Serbja, tas-Slovakkja u tat-Turkija. Ir-rapport nazzjonali ta' Malta, The effectiveness of Plastic Waste Management in Malta ġie ppubblikat mill-NAO fi Frar tal-2021. 

 

L-għanijiet prinċipali ta' din l-inizjattiva kienu li jiġu analizzati problemi relatati mal-ġestjoni tal-iskart tal-plastik, jixprunaw lill-gvernijiet nazzjonali biex jieħdu azzjoni preventiva u korrettiva f'dan il-qasam kif ukoll sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar it-tniġġis mill-plastik. Dan l-awditu konġunt, li kien koordinat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tal-Polonja (SAI Poland), sar taħt l-awspiċi tal-European Organisation of Supreme Audit Institutions (EUROSAI) Working Group on Environmental Auditing. 

 

Ir-rapport konġunt wera li t-tniġġis mill-plastik huwa ta' theddida serja għall-ambjent. Dan joħloq problemi lill-ekosistemi, inkluż lill-bniedem. Kull sena, bejn 6 u kważi 15-il miljun tunellata ta' skart tal-plastik jispiċċa fil-baħar. Barra minn hekk, qed jiġu investigati sorsi ġodda ta' tniġġis tal-plastik fl-ambjent minħabba li jistgħu jkunu ta' theddida għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. Il-mikroplastik, li huwa biċċiet żgħar ħafna (inqas minn 5 mm) qed jakkumula fl-ibħra u d-daqs żgħir ta' dan il-materjal jagħmilha faċli biex jinbela' mill-ħlejjaq marittimi. Osservazzjonijiet riċenti juru wkoll li l-mikroplastik jinsab ukoll fl-arja, fl-ilma tax-xita u tax-xorb, fl-ikel u saħansitra fid-demm uman. Ta' min jinnota wkoll li l-mikroplastik jiddikomponi bil-mod ħafna (sa mijiet ta' snin) u jkompli jagħmel il-ħarsien tal-ambjent iktar diffiċli għall-ġenerazzjonijiet futuri.   

 

Is-sejbiet ewlenin ta' dan ir-rapport ġew kategorizzati fi tlieta:

 

1.         Aspetti legali u arranġamenti organizzattivi dwar il-ġestjoni tal-iskart tal-plastik

2.         Policies użati biex jimplimentaw il-ġestjoni adegwata fuq l-iskart tal-plastik

3.         Riżultati tal-miżuri implimentati għat-trattament tal-iskart tal-plastik

 

Dan l-awditu konġunt ikkonkluda li l-leġiżlazzjoni eżistenti u l-arranġamenti organizzattivi ma kinux biżżejjed biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart tal-plastik kif ukoll biex jiżguraw it-trattament adekwat tiegħu. Għaldaqstant, għalissa l-Ekonomija Ċirkolari baqgħet iżjed prominenti bħala kunċett teoretiku milli soluzzjoni prattika li l-pajjiżi parteċipi f'dan l-istudju implimentaw b'mod sħiħ. Ir-rapport innota li dawn il-pajjiżi laħqu livelli differenti fl-implimentazzjoni tal-miżuri relatati mal-ġestjoni tal-iskart.

 

Minkejja xi riżultati pożittivi, f'każijiet partikolari hemm bżonn ta' bidliet sostanzjali biex il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari jsiru aktar ċentrali fil-ġestjoni tal-iskart. Għal dan l-għan, jeħtieġu miżuri aktar intensivi biex iħeġġu u jipperswadu liċ-ċittadini biex jibdlu x-xejriet tal-konsum, inaqqsu l-użu ta' prodotti tal-plastik biex b'hekk titnaqqas il-kwantità ta' skart iġġenerat u, fejn hu possibbli, jużaw l-istess prodotti magħmulin mill-plastik għal diversi drabi.                                        

 

Dan ir-rapport huwa aċċessibbli minn www.nao.gov.mt jew mill-paġna ta' Facebook www.facebook.com/NAOMalta. ​