PR220707

27/05/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Carlo Micallef jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu

Carlo Micallef inħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. 


Is-Sur Micallef huwa gradwat mill-Università ta’ Malta b’Baċċelerat fil-Kummerċ, Management bi speċjalizzazzjoni fil-Marketing. 

Matul dawn l-aħħar 25 sena huwa serva f’diversi rwoli importanti fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi. 

Matul dan il-perjodu huwa serva bħala Direttur tal-istess Awtorità fl-uffiċju ta’ Amsterdam fejn kien responsabbli għall-promozzjoni tal-Gżejjer Maltin fl-Olanda, il-Belġju u l-pajjiżi Nordiċi. Wara din l-esperjenza barra minn xtutna, irritorna Malta u kien inkarigat mit-tkabbir fil-promozzjoni ta’ pajjiżna f’diversi swieq ġodda u l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda ta’ turiżmu. 

Fl-2014, Carlo Micallef inħatar bħala Chief Marketing Officer u fl-2017 inħatar bħala Deputat Kap Eżekuttiv tal-istess awtorità. 

Filwaqt li fl-2013, huwa beda jservi fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi sakemm fl-2017 inħatar Chairman tal-istess istituzzjoni edukattiva. 

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq kif  l-għażla ta’ Carlo Micallef hija pass naturali biex l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkun mutur proattiv li permezz tiegħu s-settur turistiku Malti jkun wieħed ibbażat fuq il-prinċipji tal-kwalità u s-sostenibbiltà. 

Il-Ministru rringrazzja lil Johann Buttigieg li serva f’dan l-irwol għax-xogħol tiegħu matul is-snin.