12-il bajja lokali ġew ippremjati l-Blue Flag Award. Dan ifisser li l-bajjiet inkwistjoni ssodisfaw kriterji stabbiliti minn Nature Trust fejn jidħol ittestjar regolari tal-kwalità tal-ilma, l-operat ta' salvataġġ, stazzjonijiet tal-ewwel għajnuna u servizzi oħrajn għal persuni b'diżabilità li jiżguraw li l-utenti tal-bajja jiġu offruti servizz eċċellenti fi kwalunkwe ċirkostanza.
Il-bajjiet f'Malta li kisbu r-rikonoxximent tal-Blue Flag huma Fond l-Għadir, il-bajja ta' San Ġorġ, Qawra Point Beach, Buġibba Perched Beach, l-Għadira, Golden Bay, Għajn Tuffieħa, Paradise Bay kif ukoll Westin Dragonara Beach Club.
F'Għawdex, il-bajjiet tar-Ramla, Ħondoq ir-Rummien u Marsalforn ukoll kisbu l-Blue Flag.
Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u l-Kap Eżekuttiv ta' Nature Trust Malta Vince Attard.
Il-Ministru rrimarka li l-ħarsien tal-bajjiet Maltin u Għawdxin huma fundamentali għal prodott turistiku sajfi. “Nemmen bi sħiħ li din hija preżentazzjoni li tmur lil hinn minn sempliċi għotja ta' bandiera. Permezz ta' din l-iskrutinju qegħdin nagħmlu qabża oħra biex nilħqu l-mira tagħna li nibnu pajjiż li joffri l-kwalita u l-eċċellenza turistika fuq kull livell," kompla jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef semma kif l-eċċellenza fil-prodott li pajjiż joffri ma tiġix b'inizjattiva waħda imma trid tkun mużajk ħaj li jwassal biex l-esperjenza tat-turist tkun pożittiva mill-mument li niżel minn l-ajruplan jew cruisliner sa meta mar lura.
Intant il-Kap Eżekuttiv ta' Nature Trust Malta Vince Attard saħaq dwar l-importanza ta' iżjed ħidma kontinwa biex iżjed bajjiet u xtajtiet f'Malta u f'Għawdex ikunu parti mill-Blue Flag.