gov.mt

pr220829

PR220829

21/06/2022

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Xogħol ta’ restawr fl-uffiċini tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg




Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul żar l-uffiċini tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg fi Triq Melita, il-Belt Valletta, fejn bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr. Huwa spjega li dawn l-uffiċini huma tnejn mill-eqdem binjiet fil-Belt Valletta u li wara diversi snin ta’ użu kienu jeħtieġu manutenzjoni u modernizzazzjoni. Il-valur tax-xogħlijiet huwa ta’ aktar minn €500,000.

Is-segretarju parlamentari qal li meta jkunu lesti dawn il-binjiet se jkunu qed jospitaw is-sezzjoni tal-customer support tad-Dipartiment kif ukoll l-uffiċini tat-Tribunal Industrijali. “Għaldaqstant, wara li jitlesta r-restawr, huwa importanti ħafna li dawn il-binjiet  ikunu mgħammra bl-aqwa teknoloġija u għamara għall-benefiċċju kemm tal-klijenti li jżuru l-post kif ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-post”, spjega s-segretarju parlamentari.

Andy Ellul wera wkoll l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li jagħmlu l-ħaddiema tal-customer support, u spjega li s-sena li għaddiet kien hemm 1,886 walk-in fejn persuni jkunu żaru d-Dipartiment sabiex jiksbu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew biex jiftħu każ. Fl-istess waqt, fl-2020, id-Dipartiment wieġeb madwar 45,000 telefonata fuq iż-żewġ linji (freephones) li huma ddedikati għall-ħaddiema u għal min iħaddem. 

Is-segretarju parlamentari kompla jispjega li apparti dan, is-sezzjoni tal-customer support wieġbet ukoll total ta’ 13,200 emails, liema emails kienu jikkonċernaw mistoqsijiet li fihom il-klijenti talbu xi tip ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’xenarji differenti kif ukoll sabiex id-Dipartiment jinvestiga xi każijiet partikolari. Andy Ellul tkellem ukoll dwar l-irwol tat-Tribunal Industrijali u qal li s-sena li għaddiet tressqu 103 każ quddiem it-Tribunal. 

“Ninsabu kommessi li nibqgħu nassistu b’kull mezz lil min iħaddem filwaqt li dejjem inħarsu l-interess tal-ħaddiem”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.