gov.mt

pr220845

PR220845

23/06/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU VisitMalta b’kontribut finanzjarju għat-timijiet Maltin tal-futbol fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA


VisitMalta ser tkun sponsor tat-timijiet Maltin tal-futbol fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA ta' din is-sena. It-timijiet li ser jirrappreżentaw lil pajjiżna: Hibernians, Floriana, Ħamrun Spartans, Gżira United, kif ukoll it-tim tan-nisa ta' Birkirkara, ser jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja ta' €10,000.

 

VisitMalta ser ikollha viżibilità fuq il-flokkijiet uffiċjali ta' dawn l-istess timijiet permezz ta' Hibernians fl-Irlanda, Floriana fil-Moldova, Ħamrun Spartans fl-Armenja, Gżira f'San Marino, u t-tim tan-nisa ta' Birkirkara ladarba jitilgħu l-poloz tal-UEFA Women Champions League.

 

Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol Bjorn Vassallo.

 

Il-Ministru Clayton Bartolo qal li fl-aħħar snin l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) imbarkat fuq programm intensiv ta' reklamar bil-għan li jsaħħu l-prospetti tal-wasliet turistiċi lejn il-Gżejjer Maltin. “Huwa sabiħ li jkollna prodott Malti, f'dan il-każ it-timijiet Maltin, li meta jmorru jilgħabu fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA fi ftit ġimgħat oħra ma jxejrux biss il-bandiera tal-club tagħhom imma anke dik Maltija", kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

 

Il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef semma li din hija waħda mill-ħafna inizjattivi tal-MTA, intiża sabiex jinvestu fl-isports, b'mod partikolari fil-futbol, sabiex b'hekk ikunu jistgħu jattiraw turiżmu lejn pajjizna matul is-sena kollha, grazzi għall-media coverage li l-isport jingħata fl-Ewropa u lil hinn.

 

“Matul is-sena l-MTA taħdem ukoll sabiex tospita timijiet ta' dixxiplini sportivi varji, għal training camps, fejn ikollhom iċ-ċans li jgawdu mis-sbuħija tal-pajjiż ukoll. Permezz tal-ftehim ma' dawn il-klabbs tal-futbol, il-brand VisitMalta ser ikollha vizibilità kbira fuq il-mezzi tax-xandir Ewropej – brand li hija ta' importanza kbira għall-promozzjoni ta' Malta u Għawdex bħala destinazzjoni ideali għal kull tip ta' turist", qal Carlo Micallef.

 

Intant, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol Bjorn Vassallo awgura sabiex l-avventura tat-timijiet Maltin fl-Ewropa ma sserviex biss bħala parteċipazzjoni imma tkun waħda li ġġib riżultati pożittivi għall-futbol Malti.​