gov.mt

pr220871

PR220871

27/06/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President f’laqgħa uffiċjali mal-Emir tal-Qatar, Sheikh Tamim bin Hamad Al Thani


 

Fit-tieni jum taż-Żjara Statali tiegħu fil-Qatar, il-President George Vella kellu taħdidiet uffiċjali mal-Emir tal-Qatar, Sheikh Tamim bin Hamad Al Thani fil-Palazz Diwani f'Doha.

 

Il-laqgħa bdiet b'konferma miż-żewġ naħat tal-impenn tagħhom li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Qatar. Iż-żewġ partijiet qablu li għad hemm potenzjal kbir li jista' jiġi sfruttat, potenzjal ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat, b'mod partikolari permezz tal-konklużjoni konkreta tal-ftehimiet u l-implimentazzjoni fil-pront tad-dispożizzjonijiet tagħhom.

 

Ġew identifikati diversi oqsma ta' kooperazzjoni tanġibbli, li jvarjaw mis-setturi finanzjarji, marittimi, tal-avjazzjoni u industrijali, għat-turiżmu, l-enerġija u l-edukazzjoni. Fid-dawl tal-possibbiltajiet mifruxa f'dawn l-oqsma, qablu li għandhom jiġu ffaċilitati l-kuntatti diretti u ż-żjarat fl-oqsma kollha sabiex jiġi żgurat li jinkisbu r-riżultati.

 

Ġew diskussi wkoll ir-reġjun tal-Golf u dak Ewro-Mediterranju u l-isforzi magħmula kemm mill-Qatar kif ukoll minn Malta biex jippromwovu d-djalogu u l-istabbiltà fil-viċinati rispettivi tagħhom. Issemmew ukoll l-isfidi maħluqa mill-migrazzjoni irregolari, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u l-effetti tat-tibdil fil-klima.

 

F'kummenti wara l-laqgħa, il-President George Vella laqa' l-ispirtu kordjali, pożittiv u kostruttiv ħafna li fih saru l-iskambji, u qal li din iż-Żjara Statali hija mument importanti ħafna li jagħti spinta qawwija lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.​