gov.mt

pr220872

PR220872

27/06/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Malta tilqa’ l-proposti tal-Kunsill għall-Enerġija: Pass ‘il quddiem favur l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu

​​

Malta laqgħet ir-riżultat tal-laqgħa tal-Ministri Ewropej għall-Enerġija li vvutaw fuq il proposta għal Reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u dik dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.

 

Malta, irrappreżentata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, laqgħet il-pożizzjoni favur dawn ir-reviżjonijiet, filwaqt li saħqet dwar il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ biex nassiguraw il-kompetittività ta' pajjiżna.

 

Dawn id-direttivi jiffurmaw parti mill-pakkett Fit for 55, il-pakkett li jindirizza t-tibdil fil-klima.

 

Il-Kunsill appoġġja dawn l-elementi li għandhom x'jaqsmu direttament mal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, kruċjali biex l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu l-emissjonijiet.

 

“Bl-ambizzjoni akbar li għandha l-Unjoni Ewropea, u Malta, rridu nnaqqsu d-dipendenza tal-pajjiżi fuq il-fossil fuels, sors ta' enerġija li huwa impurtat u jniġġes. Li ninvestu fl-enerġija rinnovabbli mhux biss isaħħaħ l-indipendenza tal-pajjiż imma nkunu qed nimxu aktar eqreb lejn ekonomija li ma tniġġisx", qalet il-Ministru Miriam Dalli.

 

Il-ministru spjegat ukoll li filwaqt li pajjiżna jappoġġja l-ambizzjoni u l-viżjoni tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam, Malta ħadet ħsieb li setturi sensittivi u kruċjali għall-ekonomija ta' Malta f'dan iż-żmien ta' rkupru, bħal dak marittimu u tal-avjazzjoni, ma jintlaqtux ħażin.

 

“L-Unjoni Ewropea qed timxi 'l quddiem u Malta wkoll trid tkun ambizzjuża, fejn il-konsumatur jiggwadanja u setturi sensittivi jkunu protetti. F'dan iż-żmien ta' rkupru ekonomiku, irridu nassiguraw soluzzjonijiet realistiċi", saħqet il-Ministru Miriam Dalli.

 

Miriam Dalli spjegat ukoll li Malta tista' sservi bħala testbed għal investimenti f'enerġija rinnovabbli offshore fuq skala kbira. Għal dan il-għan, il-Ministru Dalli ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħin tiffinanzja proġetti bħal dawn, fejn l-opportunitajiet li jeżistu huma bbażati fuq teknoloġija li tiswa ferm aktar minħabba li l-pajjiż qed iħares lejn floating offshore renewable technology.

 

“Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa għodda li għandu jiffoka aktar fuq l-iffinanzjar ta' teknoloġija rinnovabbli innovattiva li fl-aħħar mill-aħħar tista' tgħin id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija tagħna billi tappoġġja wkoll proġetti li jġeddu lil hinn mix-xtut", saħqet il-Ministru Dalli.

 

“Biex il-Pakkett Fit for 55 jkun implimentat b'suċċess, l-Unjoni Ewropea trid tiżgura tranżizzjoni xierqa li tqis ukoll l-aspett soċjali, partikolarment fejn jidħlu konsumaturi vulnerabbli", qalet il-Ministru Dalli.​