gov.mt

pr220874

PR220874

28/06/2022

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: Tnedija ta’ programm ta’ taħriġ għall-Premju European Label of Governance Excellence (ELoGE) għall-kunsilli lokali



Ġie varat il-programm ta’ taħriġ fuq il-European Label of Excellence (EloGE) Award fejn membri mill-kunsilli lokali ngħataw informazzjoni dwar kif għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom. Huma ġew imħarrġa wkoll fuq tnax-il prinċipju ta’ governanza tajba fir-rigward tal-kunsilli lokali, sabiex iżidu l-possibbiltà li jiksbu dan ir-rikonoxximent.

Il-prinċipji ewlenin għall-governanza tajba fir-rigward tal-kunsilli lokali jinkludu, fost oħrajn: responsabbiltà, rispons għall-ħtiġijiet tar-residenti, effiċjenza u effettività fit-twassil tas-servizzi, trasparenza, kompetenza u innovazzjoni. 

Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li, “Dawn il-prinċipji mhumiex biss importanti għall-membri tal-kunsilli lokali sabiex ikunu ta’ għajnuna fit-tmexxija tal-kunsilli u fil-ħidma fil-lokalitajiet, iżda finalment isarfu f’ħajja aħjar għar-residenti fil-lokalitajiet tagħna”. 

Il-programm ta’ taħriġ ġie indirizzat ukoll mis-Sur Niall Sheerin, rappreżentant tal-Kunsill tal-Ewropa miċ-Ċentru ta’ Kompetenza għal Governanza Tajba. Huwa spjega kif, “It-12-il prinċipju ta’ governanza tajba jiġbru l-valuri fundamentali li jiddefinixxu viżjoni komuni ta’ governanza demokratika Ewropea”.

Il-Kunsill tal-Ewropa kien akkredita lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali sabiex tkun tista’ tevalwa l-kunsilli lokali fuq tnax-il prinċipju ta’ governanza tajba, u tkun tista’ wkoll tirrikonoxxi lill-kunsilli lokali f’pajjiżna b’dan il-premju. Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke kien l-ewwel kunsill li kiseb dan il-premju ta’ rikonoxximent.  

Dawk il-kunsilli lokali li jiksbu dan ir-rikonoxximent prestiġjuż jingħataw dodechedron – ballun tal-kristall b’tnax-il naħa, fejn kull naħa għandha mnaqqax wieħed mit-tnax-il-prinċipju. 

Għal din l-attività kien hemm preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali s-Sur Natalino Attard. 

Għal aktar informazzjoni fuq l-akkreditazzjoni u l-implimentazzjoni tal-premju EloGE, agħfas hawn​​.