gov.mt

pr220895

PR220895

01/07/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA: Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati

Waqt ċerimonja li fiha ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal li jinsab tassew sodisfatt li ntlaħaq dan it-tragward importanti, hekk kif il-ħaddiema kollha tal-Aġenzija tal-Qorti se jgawdu minnu.

Il-Ministru Attard qal li grazzi għal dan il-ftehim kollettiv se jkun hemm titjib fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema, li se jwassal ukoll għal titjib fis-servizz offrut mill-aġenzija.

Dan il-ftehim kollettiv seħħ permezz ta’ djalogu soċjali bejn l-GWU u l-UĦM li jirrappreżentaw il-ħaddiema, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

“L-impenn li nkomplu nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huwa wkoll rifless fil-manifest elettorali li llum huwa l-pjan ta’ ħidma tagħna bħala gvern. Għaldaqstant, bil-fatti qed inwettqu proposta oħra fl-ewwel mitt jum,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Fid-diskors tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Eunice Grech Fiorini saħqet kif l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kienet l-ogħla prijorità tagħha. Hija qalet li, “Nemmen ukoll li l-kundizzjonijiet kif ġew imtejba se jwasslu biex nattiraw aktar ħaddiema fi ħdan il-Qorti, biex b’hekk l-operat tal-qrati tagħna dejjem jitjieb.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union u d-Direttur tal-UĦM Union Voice of the Workers tennew kif il-proċess ta’ dan il-ftehim kollettiv għandu jservi ta’ eżempju għal ftehimiet oħra futuri u huwa wkoll sinjal tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ Trade Unions biex jintlaħaq​ il-ftehim aħħari.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li qed jiġi ssiġillat il-ftehim li sar. Huwa kompla billi tenna li jħares ’il quddiem biex dak li hemm miktub jiġi implimentat.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Johan Galea qal li, “Dan kien proċess interessanti ferm u ta’ tagħlim kontinwu. Il-unions sirna narawhom ukoll mhux bħala xi ħaġa li għandna nikkumbattu magħha iżda pjuttost il-kontra, li inti tpoġġi u ssib soluzzjoni, u dik hija l-vantaġġ li se nieħdu minn dan il-ftehim.”

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Joyce Cassar, kif ukoll diversi rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Qrati u tal-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.