gov.mt

pr220923

PR220923

07/07/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Tibda titqassam il-mediċina ekwivalenti għax-Xarelto u r-Rivaban

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li bdiet titqassam fl-ispiżeriji l-mediċina Rivaroxaban, li hija l-ekwivalenti tax-Xarelto u r-Rivaban, u li se tkun offruta bla ħlas lill-pazjenti li jagħmlu użu minn dawn il-mediċini diġà u f’xi każijiet lill-pazjenti li jużaw il-warfarina. 

Pazjenti li diġà jagħmlu użu mix-Xarelto u Rivaban, jistgħu jkunu intitolati għar-Rivaroxaban bla ħlas, permezz tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) billi jikkuntatjaw lit-tabib tal-familja tagħhom, jew lit-tabib fiċ-Ċentru tas-Saħħa, sabiex isirilhom appuntament ma’ klinika apposta fi ħdan is-sistema tal-Kura tas-Saħħa Primarja fejn issirilhom ir-riċetta għal din il-mediċina. B’hekk din il-mediċina tkun tista’ tinġabar mal-kumplament tal-mediċini offruti b’xejn lill-pażjenti tal-POYC. Dan jista’ jsir b’mod immedjat.

Pazjenti li jagħmlu użu mill-warfarina se jkunu ggwidati dwar jekk jistgħux jeqilbu għal din il-mediċina minflok jieħdu l-warfarina fl-apputament tad-demm li jmiss wara diskussjoni mat-tabib kuranti tagħhom. 

Permezz tal-introduzzjoni ta’ din il-mediċina fuq il-forumlarju tal-Gvern, mal-għaxart elef pazjent se jiffrankaw bejn €80 u €110 fix-xahar. 

Id-Deputat Prim Minsitru rrimarka li din hija wegħda elettorali oħra mwettqa fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid.