gov.mt

pr220963

PR220963

18/07/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-aħħar preparamenti għar-ritorn tal-Isle of MTV f’Malta


Għaddejjin b’ritmu tajjeb l-aħħar preparamenti għar-ritorn tal-kunċert mużikali l-Isle of MTV Malta 2022 fuq il-Fosos tal-Floriana wara nuqqas ta’ sentejn minħabba r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija. 

Dan il-kunċert mistenni jintwera b’mod uffiċjali fuq l-istazzjon MTV f’iżjed minn 170 pajjiż differenti minn madwar id-dinja b’potenzjal li miljuni ta’ nies ikollhom l-opportunità jaraw fil-qrib is-sbuħija li joffru l-gżejjer Maltin. 

Din ser tkun l-14-il darba li l-Isle of MTV ser ikun qiegħed isir f’pajjiżna biex joffri spettaklu minn uħud mill-aktar artisti popolari minn madwar id-dinja. 

Għal din is-sena, il-programm ta’ divertiment ser ikun magħmul minn artisti lokali biex imbgħad il-qofol jintlaħaq bis-sehem tal-artisti Shaun Farrugia, bbno$, Mae Muller, DJ Marshmello u French Montana. 

Waqt żjara li għamel fuq il-Fosos tal-Floriana, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka li dan l-avveniment huwa importanti hekk kif jattira niċċa ta’ turiżmu li tiġi f’pajjiżna għad-divertiment. 

“Li għandna din l-azjenda internazzjonali lura f’Malta hija konferma oħra ta’ kemm qegħdin nadvokaw l-kwalità fl-industrija tal-ospitalità. Avvenimenti ta’ dan il-kalibru huma parti minn kullana li trid twassalna biex Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza turistika għas-snin li ġejjin”, saħaq il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo. 

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u l-Viċi President ta’ Viacom International Media Networks Russell Samuel.